Illum waranofsinhar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħalla Malta u mar Brussell biex jattendi għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew.
Dan is-Summit huwa wieħed importanti għaliex se jsir ftit siegħat biss qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li fiha mistennija jittieħdu deċiżjonijiet importanti fosthom min se jkun il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew u min se jkun ir-Rappreżentant Għoli l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurta’.
Id-diskussjoni bejn il-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew mistennija tiffoka wkoll fuq is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fl-Iraq u fil-Lvant Nofsani.
F’kummenti qabel ħalla Malta, Dr. Simon Busuttil qal li “l-Unjoni Ewropea għaddejja minn żmien interessanti ta’ tiġdid. Malta m’għandiex tibqa passiva, imma għandha tara li l-interessi ġeostrateġiċi tagħha, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, jitpoġġew fuq l-aġenda Ewropea.”
Flimkien ma’ Dr. Simon Busuttil, għal dan is-Summit qed jattendu wkoll mexxejja ta’ partiti politiċi fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, bħall-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy. Għall-istess Summit se jattendu l-President elett tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose’ Manuel Barroso, kif ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy.
//= $special ?>
