Internazzjonali

Ir-Renju Unit jiffaċċja theddida akbar mit-terroristi

Il-livell tat-theddida mit-terroriżmu fil-konfront tar-Renju Unit tela’ minn wieħed ‘sostanzjali’ għal ‘serju’. Dan wara l-aħħar żviluppi fil-konflitti tal-Iraq u s-Sirja, fejn il-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku iffurmaw kalifat ġdid, fost il-massakri tar-residenti ta’ ċivili u membri tal-komunitajiet li f’għajnejn dawn il-fanatiċi ‘m’għandhomx id-dritt li jeżistu’.

Il-Home Secretary tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li m’hemm l-ebda provi li jissuġġerixxu li qed jitħejja xi attakk (terroristiku) fuq pajjiżha, inkella li aggressjoni ta’ dan it-tip tista’ jkun ‘imminenti’. Madankollu, l-hekk-imsejjaħ ‘alert level’ jindika li l-potenzjal ta’ attakk terroristiku fuq ir-Renju Unit hu ‘kredibbli u daqstant ieħor probabbli’.

Il-livell tat-theddida hu t-tieni ogħla fuq skala ta’ ħames livelli fir-rigward tar-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, wiegħed leġislazzjoni ġdida li tagħmilha aktar faċli biex il-Britanniċi ‘li jmorru fil-pajjiżi speċifiċi’ biex jissieħbu f’jihad (gwerra qaddisa) jitilfu d-dritt għall-passaport.