Il-Ministeru tas-Saħħa fis-Senegal ikkonferma l-ewwel każ tal-Ebola, u li jfisser li s-Senegal sar il-ħames pajjiż fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent li spiċċa affettwat minn dan il-virus qattiel.
L-aħħar rapporti minn dan il-pajjiż qalu li żgħażugħ mill-Guinea kien marad bil-virus tal-Ebola u li hu tpoġġa immedjatament fi kwarantina.
Ir-rapport ħareġ wara li Ministri tas-Saħħa mir-reġjun tal-Afrika tal-Punent ħeġġew biex jitneħħew il-limiti imposti fuq l-ivvjaġġar bħala miżura intiża lejn it-trażżin tal-Ebola li sallum qatlet ‘il fuq minn 1,500 persuna.
Intant, il-Ministri segwew il-pariri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li qalet li r-restrizzjonijiet qegħdin iwasslu għal tnaqqis fil-provvisti tal-ikel u fejn jistgħu anki jkunu kontro-produttivi għall-impenji kontra l-Ebola.