Ir-raġel tas-sid ta’ blokka ta’ appartamenti fil-Gżira li allegatament kien qed jintuża bħala burdell qal li kull meta għadda minn quddiem l-appartamenti kien jara nisa differenti fiż-żewġt itwieqi tal-faċċata u minkejja li qatt ma kellimhom bil-ġesti tagħhom u anke b’għajnejhom bħal donnhom kienu jistednuh biex jidħol ġewwa.
Michael Sciberras kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke fil-kumnpilazzjoni kontra Theresa Cutajar ta’ 60 sena u żewġha Elmleti Mohamed Saad mixlijin li mexxew burdell fi Triq Enrico Mizzi fil-Gżira.
Sciberras qal li martu wirtet din il-blokka fl-2006 u skoprew li kien biċ-ċens. Huwa qal li qatt ma daħal f’din il-blokka ħlief għal ftit minuti wara li martu wirtet dawn l-appartamenti.
Sciberras qal li l-ġimgħa l-oħra mar l-għassa wara li wasallu tagħrif li raġel, aktarx Libjan, miet b’attakk f’qalbu fil-bini u nstab fuq it-taraġ. Meta mar l-għassa ir-rapport kien jgħid biss li r-raġel miet b’attakk f’qalbu. Huwa qal li dan il-każ inkwetah ħafna u sostna li għejja jisma’ affarijiet fuq il-post u ma jieħux pjaċir bil-konnessjonijiet li qegħdin isiru mal-post tiegħu.
Huwa tenna li ġieli jgħaddi minn ħdejn il-blokka u dejjem jara nisa fiż-żewġt itwieqi li jinsabu fil-faċċata. Hu qal li qatt ma waqaf ikellem lil dawn in-nisa, iżda tenna li l-ħarsa tagħhom, u xi kultant il-ġesti kienu jfissru li kienet tistiednek biex tiħdol ġewwa.
Għall-mistoqsija tal-avukat Joseph Arrigo, Sciberras qal li seta’ jara l-ħarsa tagħhom għax meta kien jgħaddi minn quddiem il-blokka kien inaqqas mill-veloċità. Xehdet ukoll martu, Jeanette, u semmiet kif wirtet il-blokka mingħand il-ġenituri tagħha.
Hija qalet li kienet tiltaqa’ ma’ Theresa Cutajar kull sitt xhur biex titħallas taċ-ċens, li kien ta’ €400 fis-sena iżħda din is-sena rdoppja. Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Jason Francis Sultana qalet li jonqosha tressaq żewġ xhieda oħra wara li l-avukat Arrigo kien se jipprova jitlob għal-libertà proviżorja, anke jekk ingħad lilu li skont il-liġi t-talba issa trid issir bil-miktub u għalhekk irid isir rikors. Il-każ se jkompli jinstema’ fit-8 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>
