Il-Kunsill Studenti Universitarji jibqa’ jinsisti li t-tagħrif sensittiv dwar l-istudenti li jinġabar skont l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern, u li issa se jkun rivedut, għandu dejjem ikun rispettat u jintuża biss fl-interess tal-istudenti. Għandu jkun żgurat ukoll li dan jintuża biss u dejjem fl-interess tal-istudenti konċernati, u li min jużah ma jagħmilx dan b’mod abbużiv.
Il-KSU, fi stqarrija, fakkar li hu kien l-ewwel li esprima l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-introduzzjoni ta’ dan l-Avviż Legali – li issa l-Gvern għamel U-Turn dwaru u fit-18 t’Awwissu l-Ministru Evarist Bartolo ta raġun lil Oppozizzjoni li dan kien ħażin, hekk kif ħabbar li se jkun qed ibiddlu.
Imma b’dispjaċir, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Universita’ nnota li minkejja r-rwol attiv li kellu fid-diskussjonijiet fuq dan l-Avviż Legali, ma tħalliex ikun parti mill-Working Group li waqqaf il-Gvern biex jistudjah u jirrevedieh wara li jsir proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Minkejja f’dan, il-KSU saħaq li hu sodisfatt li l-Working Group ikkunsidra l-proposti li hu ressaq, biex ikun żgurat li d-data tal-istudenti tkun protetta. U nnota b’sodisfazzjon ukoll li l-abbozz tal-Avviż Legali rivedut jinkludi dawn il-proposti. Il-KSU fakkar ukoll li anke fid-diversi laqgħat li saru, kemm mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, hu dejjem argumenta li d-drittijiet tal-istudenti kollha għandhom jiġu salvagwardjati.
Il-Kunsill, li qal li ġie assigurat diversi drabi li l-intenzjonijiet wara l-Avviż Legali huma ġenwini, fl-istqarrija tiegħu, ikkummenta dwar aspett partikolari tal-dokument – dak li jassigura lil istudenti li ma jistgħux jiġu identifikati sakemm ma jkunx meħtieġ assolutament li jsir hekk taħt xi liġi speċifika, fl-interess taghhom stess, u bil-kunsens tal-ġenituri li jinkiseb minn qabel.
Ikkummenta wkoll fuq l-użu tal-informazzjoni u l-importanza li din tinqered wara li tintuża għall-iskop li għalih tkun inġabret. U f’każi fejn din tinġabar, per eżempju, biex tintuża f’inizjattivi nazzjonali marbuta mal-opportunitajiet ta’ impjieg, bħad-diversi skemi tal-Gvern li jeżistu, jekk l-istudent ma jkunx lest jipparteċipa f’dawn l-inizjattivi, anke f’dan il-każ, l-informazzjoni tiġi meqruda.
Meta l-Gvern ħabbar id-deċiżjoni li se jirrevedi dan l-Avviz Legali, il-PN fi stqarrija kien qal li l-istorja twila u kontroversjali ta’ dan l-Avviż Legali tixhed l-inkonsistenza tal-Gvern Laburista.
L-ewwel daħħlu fis-seħħ bil-moħbi, u meta l-Oppożizzjoni kixfet il-kaz, iddefendieh, imbagħad ivvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ikun annullat. Wara, meta l-Avviż Legali baqa’ fis-seħħ, il-Gvern ħabbar li se jinbidel, waqqaf Working Group biex jistudja l-Avviż Legali rivedut u finalment ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan it-tibdil.
//= $special ?>
