Tolqtok mill-ewwel it-tbissima tagħha, li hija riflessjoni ta’ tfajla simpatika li fiha għandha ħafna ħolm u ambizzjonijiet sbieħ. Tqis lilha nnifisha bħala all rounder, tħobb il-mużika, iż-żfin, id-drama, il-films… imma l-ħolma ta’ Lyndsay hi li tistabbilixxi lilha nnifisha bħala kantanta, għax tħoss li l-forte tagħha hu l-kant.
Fil-fatt, illum, fuq il-programm ‘Rockna’, ippreżentat minn Michael Bugeja, Lyndsay nediet id-diska l-ġdida tagħha ‘Regent Street’ u b’hekk issiġillat ħolma oħra li ħadet madwar sena ħidma intensiva.
Fil-jiem li għaddew iltqajt ma’ Lyndsay Pace, biex nieħu din l-intervista u nkun nista’ nintroduċiha magħkom il-qarrejja ta’ In-Nazzjon.
Il-bidu fid-dinja tal-mużika
Minkejja li l-pubbliku juża l-kelma ‘kantant’ għal kull minn ikanta, wieħed irid jifhem li l-klassifikazzjoni tvarja. Fil-fatt, Lyndsay mhux biss hi kantanta iżda anke kittieba tal-mużika u l-lirika. Fil-fatt, bħalissa qed tieħu kors f’dan il-qasam biex tkompli ttejjeb it-teknika tagħha, filwaqt li hi wkoll recording artist u live performer, li ftit insibu bħalhom fix-xena lokali.
Li wieħed jesperimenta fid-dinja tal-mużika fosthom fl-istil, Lyndsay tqisu bħala prijorità għax bis-saħħa ta’ hekk biss wieħed jista’ jsib il-passjoni vera tiegħu u stil oriġinali tiegħu li jagħmlu uniku fix-xena mużikali.
Mistoqsija dwar liema kategorija tippreferi timraħ fiha, Lyndsay bi tbissima tgħid, “jien m’inhix kapaċi nkun involuta fi proġett f’parti waħda biss. Irrid inkun involuta mill-bidu sal-aħħar b’opportunità li nara xi jkun qed jiġri, nitgħallem affarijiet ġodda filwaqt li naqsam l-ideat tiegħi mat-tim. Għalija din hi l-kwalità ta’ artista vera.”
Minkejja s-suċċessi kbar li diġà kisbet matul is-snin, u li se jkollna opportunità nanalizzawhom aktar tard f’din l-intervista, Lyndsay bdiet bis-serjetà fix-xena mużikali mhux aktar minn tmien snin ilu, meta kellha 16-il sena, permezz ta’ parteċipazzjoni f’diversi festivals u produzzjonijiet televiżivi lokali.
Matul l-intervista nnutajt li Lyndsay hi xi ftit mistħija. Tinduna mill-ewwel li wiċċha jieħu kulur kemxejn ħamrani f’ċerti mumenti u b’hekk staqsejt jekk il-mistħija kinitx fattur li żammha xi ftit lura.
Il-konferma mill-ewwel ġiet. “Iva, nemmen li l-mistħija kellha rwol importanti għaliex ma bdejtx ta’ età iżgħar, minkejja li kont nieħu sehem f’diversi reċti u kunċerti tal-iskola, iżda xorta qatt ma sibt il-kuraġġ li noħroġ fil-pubbliku mill-ewwel,” stqarret Lyndsay.
“Għalkemm illum għaddew is-snin mill-ewwel prestazzjoni tiegħi, xorta nħossni li bqajt xi ftit mistħija fil-karattru personali tiegħi iżda żgur mhux meta nkun fuq il-palk, għax hemm, b’mod maġiku, il-mistħija titlaq u nkun nista’ nkanta mingħajr ebda xkiel.”
Iżda jekk it-tbissima tagħha kapaċi tiġbdek lejha, daqstant ieħor tiġbdek is-sinċerità u l-onestà tagħha, għaliex waqt li bdiet twieġeb din il-mistoqsija dwar il-mistħija, b’leħen ftit baxx iżda bi tbissima, ammettiet li tħossha ferm aktar komda tkanta milli tpoġġi għall-intervista.
Il-qabża fix-xena lokali
Fl-opinjoni ta’ Lyndsay, il-bidla fil-karattru tagħha, b’mod speċjali li tegħleb il-biża’ u li rabbiet kunfidenza akbar kienet meta bdiet taħdem fil-qasam tal-media u meta kienet residenti fi programm partikulari. Apparti dan, matul dan il-perjodu anke l-pubbliku Malti kellu ċans isir jafha sew u allura meta daħlet fix-xena tal-kant, wiċċha kien familjari ma’ ħafna, u dak kien vantaġġ.
Il-mixja ta’ Lyndsay kienet waħda ta’ avventura mill-isbaħ, mas-snin għamlet diversi kuntatti u kellha għadd kbir ta’ opportunitajiet fix-xena lokali u internazzjonali. Fosthom ta’ min wieħed isemmi li bħalissa Lyndsay qed tiffoka fuq mużika live.
“Bħalissa l-prijorità ta’ ħidmieti qed tkun ikkonċentrata fuq muzika live kemm mal-band, kif ukoll mal-mużiċista Lulu Agius bħala Acoustic Duo.” Min dan is-sajf kellu l-opportunità li jżur diversi avvenimenti lokali u nazzjonali li saru, żgur li xi ħin jew ieħor seta’ jisma’ lil Lyndsay live fuq l-istage.
Barra minn hekk, suċċess miksub f’dawn l-aħħar xhur minn Lyndsay u Lulu Agius, kien bid-diska ‘Letter 25’, li kklassifikat fost l-aqwa tliet diski fil-PRS rating, li fi ftit kliem ifisser li kienet waħda mill-aktar diski mismugħa fuq ir-radjijiet lokali.
Mistoqsija leġittima li staqsejt waqt l-intervista kienet proprju kif f’ġurnata kien qed jirnexxilha tlaħħaq ma’ kollox speċjalment max-xogħol formali tagħha li hu fil-qasam tal-IT.
Ir-risposta kienet sempliċi. “Ix-xogħol formali hu prijorità għalija u nagħmlu bi mħabba u dedikazzjoni kbira. Wara l-ħin tax-xogħol formali tiegħi, tibda ħidma estensiva u twila fil-qasam mużikali inkluż sessjonijiet twal ta’ recordings u provi.”
Kompetizzjonijiet lokali
Mument kruċjali meta l-qasam mużikali ħa spinta ’l quddiem kien bil-kompetizzjoni ‘Star to B’ li kienet tiġi organizzata f’Baystreet u Lyndsay kienet ġiet l-ewwel fiha meta kien għad kellha madwar 15-il sena biss.
L-espressjoni f’għajnejn Lyndsay kienet turi sens ta’ ferħ u nostalġija meta bdiet tirrakkonta dan l-episodju, għaliex hi qatt ma bassret li setgħet tirbaħ minħabba l-età żgħira tagħha u t-talent kbir li kien hemm.
Bi tbissima Lyndsay wieġbet għall-kurżità li kelli dwar xi premjijiet rebħet dakinhar, u fost il-premjijiet insibu scholarships, exposure fuq programmi televiżivi u cruise.
Iżda filwaqt li Lyndsay tiddiskrivi l-premjijiet bħala xi ħaġa sabiħa u indimentikabbli, saħqet fuq il-fatt li l-opportunitajiet il-kbar ġew grazzi għall-membri tal-ġurija internazzjonali li kien hemm, li stednuha għal diversi konkorsi u avvenimenti barra minn Malta.
Dwar jekk aħniex se nerġgħu naraw lil Lyndsay Pace tieħu sehem fil-festivals lokali u forsi wkoll fil-Malta Eurovision Song Contest, Lyndsay tatni żewġ tweġibiet. “Preżentement ħadt triq differenti. Ma nikkunsidranix bħala kantanta tal-festivals lokali, għalkemm xorta dak il-bieb ma nagħlqux kompletament. Jiddependi dejjem mill-opportunitajiet għalkemm nemmen li kull kantant li jistabbilixxi lilu nnifsu għandu jċedi postu fil-festivals biex jagħti opportunità lil kantanti ġodda jagħmlu l-ewwel passi tagħhom.”
Lyndsay temmen b’konvinzjoni, li t-talent ġdid ma għandniex noħonquh b’dak diġà stabbilit u fl-istess ħin ninkoraġġuh jimraħ, għax kantant ġdid jaf jaqta’ qalbu meta jiġi biex jidher għall-ewwel darba ma’ dawk li diġà l-pubbliku jkun jafhom sew.
Rigward it-tieni mistoqsija u b’mod nebbiexxi tgħid, “għall-Eurovision ma jien se ngħid xejn, la iva u lanqas le, jiddependi mill-opportunitajiet ta’ dak iż-żmien għalkemm kelli opportunitajiet fil-passat iżda ma ħassejtx li kien iż-żmien adattat.” Dwar il-Eurovision, bit-tama li nakkwistaw aktar informazzjoni jekk hux se tieħu sehem fis-sessjoni li jmiss, waħedha jew flimkien ma’ persuni oħra, bi tbissma, b’ċajt u b’mod għaqli evitathomli kollha ħlief għall-fatt li jekk kellha tieħu sehem, se tagħmel dan waħedha bħala solo artist.
Parir li dejjem timxi fuqu hu li “wieħed għandu jikkompeti f’xi festivals jew kompetizzjonijiet oħra ta’ darba kultant, iżda wieħed għandu dejjem jieħu l-ħin u jħossu ppreparat sew qabel jagħmel il-pass.”
Fil-fatt, Lyndsay stqarret li s-sena li għaddiet ħadet sehem fi ‘Britain’s Got Talent’ u kkwalifikat għall-ewwel fażi, iżda għalkemm ma rnexxilhiex tasal sal-aħħar fażi, l-esperjenza li ħadet kienet kbira wisq biex tiddeskriviha fi ftit kliem, speċjalment meta tikkunsidra l-livell qawwi ta’ talent li wieħed isib barra minn Malta.
It-tnedija tas-CD ‘Regent Street’
‘Regent Street’ ma kinitx l-ewwel esperjenza tagħha. Fil-fatt, madwar sentejn ilu, Lyndsay kienet ġabret id-diski kollha tagħha li għamlet suċċess bihom fiċ-charts lokali u nediet l-ewwel EP tagħha, li għamel suċċess fix-xena lokali.
Id-diska ‘Regent Street’ taf il-bidu tagħha f’Londra, wara li Lyndsay ħadet sehem f’kors bl-isem ta’ ‘Ultimate Artists Masterclass’, li jikkonsisti f’tagħlim fil-kant, kitba u produzzjoni minn għalliema barranin fosthom Joshua Alamu, Corey Ferrugia, Ali Tennant u Eva Brandt.
Waqt dan il-kors Lyndsay tgħid li l-esperjenza li ħadet kienet kbira tant li ltaqgħet ma’ numru ta’ artisti barranin u kellha l-opportunità taqsam il-mużika tagħha ma’ producers stabbiliti fl-industrija tal-mużika.
F’dan il-kors Lyndsay ħadet sehem fix-showcase fil-‘Water Rats’, fejn iddebuttat bid-diska tagħha miktuba minnha stess f’Londra, ‘Daphne’, li Lyndsay tistqarr b’umiltà li ġabitilha ħafna suċċessi matul is-snin. Fil-fatt, tiddeskriviha bħala “l-baby tiegħi” u għamlet żmien twil fil-quċċata taċ-charts lokali u għadha tindaqq sal-lum.
Lyndsay tistqarr li waqt dan ix-showcase, l-eċċitament kien kbir wisq, speċjalment minħabba l-fatt li l-udjenza preżenti kienet kollha barranija. “Tlajt fuq il-palk, qbadt il-mikrofonu, għalaqt għajnejha u bdejt inkanta,” iżda kif spiċċat, ħadet waħda mill-isbaħ sorpriżi ta’ ħajjitha, għax l-udjenza qamet bilwieqfa u kulħadd għamel ħin twil iċapċap mingħajr waqfien.
Meta marret backstage, iltaqgħet ma’ jon lukas, woodenman, b’sorpriża kbira għal Lyndsay. Dan deher impressjonat bil-prestazzjoni tagħha u offra li jaħdmu flimkien, u minn hemm twieled dan il-proġett ta’ ‘Regent Street’, kitba, mużika u direzzjoni tiegħu flimkien bl-istudio engineering u recording ta’ Niki Gravino.
Mistoqsija dwar l-esperjenza tagħha li ħadmet mill-qrib ma’ wieħed mill-aqwa artisti fid-dinja tal-mużika, Lyndsay qalet, “għalija kien unur kbir, tgħallimt ħafna u fl-istess ħin iggwidani biex inkompli nitjieb fil-prestazzjonijiet tiegħi fil-karriera mużikali.”
Id-diska miktuba u ppreżentata minn jon lukas, għal Lyndsay kienet sfida kbira. “Diska li kienet ta’ sfida speċjalment li ried joħroġni miz-zona u l-istil ta’ kant li kont komda fih peress li jxaqleb iktar lejn stil alternative, iżda kont lesta għal din l-avventura.”
Ma kienet faċli għal ħadd speċjalment waqt ir-recording, hekk kif jon lukas kellu jinżel kemm-il darba f’pajjiżna biex isegwi l-progress u għaliha fissret sigħat sħaħ ta’ recording fl-istudio.
Il-prodott finali għal Lyndsay hu deskritt bħala “sodisfazzjon kbir u qed tħares ’il quddiem għall-mod kif il-pubbliku se jilqagħha.”
Mistoqsija dwar x’messaġġ trid twassal din id-diska lill-pubbliku hemm barra, b’galbu kbir Lyndsay tgħid li “d-diska tispjega li minkejja li l-individwu jista’ jkun waħdu fil-ħajja u jimxi fit-triq bħal Regent Street f’Londra, li tkun mimlija nies, tista’ tħossok inviżibbli, iżda wieħed irid jagħmel ħiltu biex jispikka. L-isfida tal-ħajja hi din, li wieħed irid jirbaħ l-isfidi kollha.”
Il-music video li nġibed minn Francesco Alfred Debono, hu stil oriġinali immens meħud ħafna minnu f’Londra u li skont Lyndsay dan għandu jintgħoġob ħafna mill-pubbliku Malti.
Fil-fatt, mill-ftit persuni li semgħu d-diska f’Malta u dawk barranin, il-kummenti kienu pożittivi tant li se tibda tindaqq ukoll fuq stazzjonijiet tar-radju lokali kif ukoll internazzjonali. Dan hu inkoraġġanti għal Lyndsay.
Wieħed jista’ jisma’ d-diska tagħha billi jżur dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=dsBc6-mPjys&feature=youtu.be
//= $special ?>