Kmieni l-Ġimgħa filgħodu f’partijiet minn Malta nħasset theżżiża b’diversi residenti f’inħawi differenti tal-pajjiż li kkuntattjaw lil dan l-istazzjon jiddeskrivuha bħala wahda li ma damitx ħafna imma li kienet b’saħħitha.
It-theżżiża nħasset ftit qabel is-sitta ta’ filgħodu u r-rapporti li daħħlulna kienu minn madwar Malta kollha, imma jidher li nħasset l-aktar f’lokalitajiet fin-nofsinhar u anke fil-parti ċentrali ta’ Malta. Fosthom f’Tas-Sliema, San Ġiljan u Birkirkara imma wkoll Ħal Għaxaq, Ħal Tarxien, Ħaż Żabbar, il-Kalkara u ż-Żejtun. Jidher li nħasset anke minn San Pawl il-Baħar.
Esperti qed jassoċjaw din it-theżżiża li ħassejna f’Malta fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu ma’ terremot li seħħ fin-Nofsinhar tal-Greċja eżatt fl-istess ħin, għal ħabta tas-sitta neqsin kwart, u li kien reġistrat b’qawwa ta’ bejn 5.6 u 5.8 fuq l-iskala Richter.
It-theżżiża fil-Greċja seħħet 80 mil fin-nofsinhar ta’ Ateni, bl-epiċentru jiġi mkejjel taħt il-baħar qrib il-gżira ta’ Milos, imma nħasset sew fil-kapitali Griega. Ma kienu rappurtati l-ebda danni la fil-Greċja u lanqas f’Malta.
Il-Greċja hija magħrufa bħala waħda mir-reġjuni fil-Mediterran fejn l-aktar iseħħu terremoti, b’bosta terremoti kbar jibqgħu msemmija fl-istorja siżmika ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>

