Nicklas Roland Sturk, Svediż ta’ 43 sena, ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li inċita jew ħeġġeġ mibgħeda razzjali wara li hedded li joqtol lil persuni suwed u nsulenta wkoll ġara talli għenet Afrikani li kienu qegħdin jiġbru l-iskart.
Dan il-każ seħħ fit-13 ta’ Ġunju li għadda fi Triq Mons. Alfred Mifsud f’Pembroke għall-ħabta tat-8.00 a.m. Il-ġirien ta’ Sturk, Peter u Christine Grima, xehdu fil-Qorti li ċemplu lill-Pulizija wara li l-Isvediż beda jisnulentahom u anke agggredixxa persuna ta’ ġilda skura, Youre Ali, li kien qed jiġbor l-iskart.
Christine Grima, li hija omm adottiva ta’ żewġt itfal Afrikani, qalet: “Kont qed ngħin lil Ali Iġorr kaxxa fil-kantuniera tat-triq meta smajt lil Sturk jinsulentani ripetutament talli qed ngħin lil wieħed iswed. Dan beda jgħajjarhom negroes.”
Hija kompliet tgħid li meta rritornat f’darha, Sturk mar warajha jkompli jirrepeti l-istess kliem u f’mument minnhom tant resaq viċin tagħha li kellha timbuttah.
Wara, qalet Grima, rat lil Sturk imur fuq Ali u wara li qabdu minn spalltu, waqqgħu mal-art.
Kompliet tixhed li wara li Ali telaq, Sturk kompla jinsulentaha u jgħidilha stupida u li l-Maltin qed iħallu lill-immigranti jmexxu l-pajjiż. Żewġha, Peter, ikkonferma dak li xehdet martu u qal li huwa beda jsegwi minn mument għall-ieħor dak li kien qed jiġri waqt li kien qed jirrapporta lill-Pulizija bit-telefon.
Sturk ma ċaħadx l-episodji u l-insulti kif xehdet Grima iżda qal li mbotta lil Ali għax ħasbu li kien wieħed minn dawk li ftit tal-ġimgħat qabel aggredewh u ferewh u anke kellu l-laptop tiegħu misruq.
Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-Isvediż ipprova biss jiddefendi l-aħir tiegħu meta kien jaf li Ali ma kienx wieħed mill-aggressuri tiegħu. Għalhekk Sturk instab ħati li pprova jinċita mibgħeda razzjali.

