Hekk gie deskritt il-ħlas ta’ €4.2 miljun li d-Dipartiment tal-Artijiet ħallas f’Jannar ta’ din is-sena lil Cities Entertainment biex jieħu lura s-sit magħruf bħala Cafe’ Premier fil-Belt Valletta. U dan b’deċiżjoni tal-Kabinett ta’ Muscat.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Ryan Callus taw id-dettalji dwar dan il-każ li jmur lura għal Diċembru 2012 meta d-Dipartiment tal-Artijiet, dak iż-żmien taħt it-tmexxija tal-Ministru Jason Azzopardi, beda proċeduri fil-Qorti fil-konfront ta’ Cities Entertainment fuq arrettrati sostanzjali ta’ ċnus, iżda ftit wara l-kumpanija fetħet proċeduri biex tikkontesta lid-Dipartiment.
Xahrejn biss wara l-elezzjoni, u allura wara li l-Partit Laburista ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż, id-Dipartiment tal-Artijiet u l-kumpanija Cities Entertainment iwaqqfu l-proceduri kontra xulxin. Dan wara li, b’deċiżjoni politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Mario Camilleri, wieħed miż-żewg diretturi ta’ Cities Entertainment laħaq ftehim ma’ John Sciberras, konsulent ghall-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-ftehim kien jgħid li d-Dipartiment tal-Artijiet iħallas lil Cities Entertainment is-somma ta’ 4.2 miljun ewro li jinkludu iktar minn żewġ miljun ewro u nofs f’pagamenti pendenti ma’ Banif Bank marbuta ma’ dejn fuq il-post, iktar minn 220 elf ewro arretrati lid-Dipartiment tal-VAT u ‘l fuq minn 190 elf ewro arretrati tal-Income Tax minbarra iktar minn 130 elf ewro arretrati ta’ kontijiet tad-dawl lil ARMS.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus spjega li dan jindika li l-Prim Ministru ma’ min irid jimxi mod, u ma’ ħaddiehor jimxi mod ieħor.
Iżda mhux biss. Fost il-ħlasijiet hemm ukoll ħlas ta’ 210 elef ewro f’commission lil wieħed miż-żewġ diretturi ta’ Cities Entertainment talli rnexxielu jasal għal ftehim. Kien wieħed mis-sidien stess, Neville Curmi li, waqt l-investigazzjoni, sostna li dan il-ħlas kien commission sabiex intlaħaq il-ftehim.
Jason Azzopardi saħaq li huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat li għandu jwieġeb għal dan l-iskandlu minħabba li kien hu bħala Prim Ministru u bħala Ministru tal-Artijiet li ħa d-deċiżjoni li jsir il-ħlas lil kumpanija Cities Entertainment.
Il-Gvern seta’ jevita milli jħallas din is-somma billi jiftaħ kawża biex il-kuntratt jiġi terminat minħabba li s-sit ma baqax jintuża, kien hemm arretrati ta’ ċnus li kienu jlaħħqu terz ta’ miljun ewro u kien hemm tentattiv biex iċ-ċens ikun trasferit – bi ksur tal-kuntratt.
Il-każ kollu hu mkebbeb f’informazzjoni mistura mill-ġurnalisti li għamlu talbiet taħt il-Freedom of Information Act biex jiġu ppubblikati l-workings li wasslu għaċ-ċifra ta’ 4.2 miljun ewro – talbiet li ġew miċħuda bl-iskuża li hemm investigazzjoni għaddejja. Tweġiba li mhi xejn għajr gidba mill-Gvern minhabba li l-investigazzjoni ilha li ntemmet.
Dwar dan l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-akkwist mill-Gvern ta’ dan is-sit u staqsiet jekk dan l-akkwist kienx imsejjes fuq prinċipji ta’ good governance u kienx wieħed etiku u skont il-proċeduri tal-Gvern.
//= $special ?>

