Lokali

Tikber l-istennija għall-ewwel film ta’ Pitt u Jolie wara ż-żwieġ tagħhom

Kollox jinsab lest biex jibda l-ġbid tal-film romantiku “By The Sea”, b’xeni f’Imġarr ix-Xini Għawdex – film li l-partijiet prinċipali tiegħu se jintlagħbu mill-koppja Brad Pitt u Angelina Jolie. U dan se jsir ftit jiem biss wara li Pitt u Jolie żżewġu f’ċerimonja privata fi Franza, fi tmiem il-ġimgha li għaddiet.

It-tieġ sar f’proprjeta’ tal-familja: f’kastell fin-Nofsinhar tal-pajjiż u fost il-ftit mistiedna kien hemm ulied l-atturi, li kellhom sehem fiċ-ċerimonja nnifisha.

Iżda għal waħda mill-iktar koppji popolari taċ-ċinema, wara t-tieġ ma kienx hemm lok għal vaganzi, għax il-koppja se tibda xogħla f’Malta fil-jiem li ġejjin. Tista’ tgħid li l-l-qamar il-ghasel tagħhom se jsir hawnhekk.
Il-film “By The Sea” qed iqanqal stennija kbira fost id-dilettanti taċ-ċinema, iktar u iktar issa wara l-aħbar tat-tieġ tal-koppja. L-aħħar darba li Pitt u Jolie kellhom rwol prinċipali f’film kien kważi għaxar snin ilu.
Kien proprju l-film “Mr and Mrs Smith” li qanqal l-istorja ta’ mħabba bejn il-koppja. Film li rikeb fuq din l-istess l-istorja ta’ mħabba, tant li daħħal kważi 480 miljun dollaru Amerikan.
Matul is-snin, dilettanti taċ-ċinema Amerikana baqgħu jistennew film simili, li jġib lil din il-koppja flimkien għal darb’oħra.

Issa jidher li kienet il-klima Maltija, bil-baħar kaħli u l-ambjent tipiku tal-gżejjer tagħna li se jerġa’ jġib lil Pitt u Jolie flimkien fi produzzjoni tant mistennija: din id-darba f’film li Jolie stess se tkun qed tipproduċi u tidderieġi.

U filwaqt li kelliema dwar dan il-film ġdid qed ilaqqmuh bħala wiehed esperimentali, fejn fih l-atturi se jkollhom iċ-ċans jaħdmu flimkien b’mod indipendenti, tkompli tikber l-istennija tagħna l-Maltin għal kif dan il-film se jpitter is-sbuħija li għandha x’toffri Malta tagħna.