Lokali

Żgħażagħ jopponu ċ-ċaqliq tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Hekk kif il-Gvern ħabbar li beda proċess ta’ konsultazzjoni dwar iċ-ċaqliq tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, ġurnata wara li l-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Owen Bonnici ma weġibx mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon fuq is-suġġett, bdew deħlin ir-reazzjonijiet ta’ diversi entitajiet li qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dan iċ-ċaqliq.

Tispikka fost oħrajn il-pożizzjoni tal-Gozo Youth Council, li fi stqarrija qal li hu kontra li dawn l-elezzjonijiet jiġu posposti, kif qed ikun propost mill-Gvern. Tkellimna ma’ Ryan Mercieca, il-President ta’ dan il-Kunsill, li jiġbor fih l-organizzazzjonijiet kollha Għawdxin taż-żgħażagħ u hu l-vuċi taż-żgħażagħ f’Għawdex. Hu qal li jekk dan iċ-ċaqliq isir, ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq iż-żgħażagħ. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Gozo Youth Council hi kontra li dan iċ-ċaqliq iseħħ. Mercieca qal li dan imur kontra l-wegħda elettorali tal-Gvern li wiegħed il-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Minbarra dan, Mercieca esprima t-tħassib tiegħu li jekk l-elezzjonijiet jiġu posposti, dan se jkollu effett dirett fuq l-attiviżmu taż-żgħażagħ u l-involviment tagħhom biex ikomplu jtejbu s-soċjeta’. Għalhekk, biex jevita milli dan iseħħ, il-Kunsill se jkun qed isejjaħ laqgħa mal-Ministru konċernat, bit-tama li dan jifhem il-pożizzjoni tal-Kunsill Għawdxi.

Sadanittant, anke l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin, l-SDM, fi stqarrija ħabbret li jistona ħafna l-fatt li l-Gvern qed jipproponi li jippostponi dawn l-elezzjonijiet wara li s-sena li għaddiet kienet tnediet il-kampanja Vote 16. Dan, tenniet l-SDM, se jwassal biex dik il-kampanja titlef l-iskop taghħa u se jxejjen l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan l-SDM se tkun qed tipprepara dokument dettaljat li fih se tipproponi mezzi biex il-Gvern iħeġġeġ lil pubbliku biex imur jivvota, mingħajr ma jippostponi dawn l-elezzjonijiet.

Jekk l-elezzjonijiet ta’ Marzu li jmiss jiġu posposti għal mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019, ikun ifisser li l-Kunsilli Lokali attwali se jkollhom terminu twil seba’ snin. Il-proposta hi li l-elezzjonijiet imbagħad jibdew isiru kull darba mal-elezzjonijiet Ewropej, jiġifieri kull ħames snin.

F’konferenza tal-aħbarijiet imsejħa b’urġenza ftit ilu, l-għada tal-istorja li xandar dan l-istazzjon, il-Ministru Bonnici kien ħabbar li l-perjodu ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sas-27 ta’ Settembru.
Min-naħa tiegħu, mistoqsi x’inhi l-opinjoni personali tiegħu fuq dan iċ-ċaqliq, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, li huwa appuntu inkarigat mill-Kunsilli Lokali f’Malta, qal li m’għandux opinjoni.