Lokali Saħħa

50 sena Nazzjon – 50 borża demm

50 sena Nazzjon, 50 borza demm. Din hi l-isfida li Radio 101 qed ipoġġi quddiem is-semmiegħa tiegħu fl-okkażjoni tal-anniversarju speċjali li pajjiżna qed jiċċelebra din is-sena – il-ħamsin anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.

Tkellimna ma’ George Galea, il-prezentatur tal-Breakfast Show ta’ Radio 101, li daħal għal din l-inizjattiva.

Din l-attivita’ se ssir fl-istudios ta’ Radio 101, fejn f’kull studio, tlieta b’kollox, se jintrama stretcher fejn id-donatur se jqatta’ nofs siegħa biex jagħti pinta demm. B’kollox biex jinġabru 50 borza demm irrid ikun hawn 75 donatur.

George Galea spjegalna kif 50 borza demm jagħtu lill-isptar riserva ta’ ġurnata waħda biss, iżda kull borża tfisser ħajja ta’ persuna, persuna li għandha familja u nies li jixtiequ jkomplu jgawduha fis-snin li ġejjin.

Dawk kollha li jixtiequ jkunu donaturi f’din l-attivita’ għandhom jagħmlu kuntatt ma’ George Galea fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Radio 101 jew inkella jċemplu fuq 25965 502 biex jagħtu isimhom u jingħatalhom appuntament bil-ħin.

L-attivita’ se ssir fis-26 u s-27 ta’ Settembru, imma diga’ bdew jintlaqgħu l-ismijiet ta’ min se jikkontribwixxi f’dan il-ġest nobbli. Kun parti minn din l-inizjattiva: ejja agħti d-demm u għin biex insalvaw ‘il-pazjenti.

Intant, illum fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa qed isir jum għoti tad-demm b’risq il-pazjenti morda bil-kliewi. Il-ġbir idum sas-6pm. F’dan il-jum qed isir ukoll bejgħ ta’ kelkijiet u ħelu ieħor biex jinġabru fondi għall-Life Cycle Challenge.