Ewropa Kultura Lokali

€500,000 ta’ Finanzjament Ewropew għall-Għaqdiet Mhux Governattivi

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li mit-tieni sejħa tal-GAL Majjistral taħt il-miżura 413.6 “Support għal infiq Kapitali minn Entitajiet Kulturali u Artistiċi” se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll Għaqdiet Mhux Governattivi u volontarji li jaħdmu fil-qasam tal-arti u l-kultura u mhux biss intrapriżi mikro u żgħar. Kif kien imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa s-somma allokata għal din is-sejħa hija ta’ €500,000.

Dr Borg qal dan waqt li kien qed jinawgura proġett mill-Kumitat tal-IT fi ħdan il-Każin Banda San Filep li ġie ffinanzjat minn Fondi Ewropej taħt il-Youth in Action Programme. Permezz ta’ dan il-proġett ġew installati kameras tas-sigurtà, kompjuters, sistema ta’ WI-FI u apparat sabiex jinżammu kopji ta’ kull dokument ġewwa l-Każin Banda San Filep.

Dan l-apparat għalhekk se jservi biex ikun hemm trasmissjonijiet diretti ta’ attivitjiet li jkunu qed jiġu organizzati fil-pjazza ewlenija ta’ Ħaż-Żebbuġ, jinżammu arkivji ta’ dokumenti storiċi, jiffaċilitaw il-lezzjonijiet tal-mużika u biex kull minn jattendi il-każin ikun jista’ juża l-internet b’xejn.

Is-Segretarju Parlamentari faħħar lil dawn iż-żagħżagħ għax permezz tal-inizjattiva tagħhom se juru li jekk użati b’għaqal l-għodod provduti mill-IT jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma tal-Għaqdiet Mhux Governattivi. Huwa ħeġġeġ aktar għaqdiet sabiex jersqu ’l quddiem u jesploraw opportunitajiet ta’ finanzjament ewropew, filwaqt li inkorġġiehom sabiex ikunu aktar kreattivi fil-proġetti li jressqu ’l quddiem.

It-tieni sejħa għall-proposti maħruġa mill-GAL Majjistral taħt il-miżura 413.6 tagħlaq fit-22 ta’ Settembru f’nofsinhar, u l-proġetti magħżula jridu jkunu mwettqa fi żmien sitt xhur. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit: http://www.leadermajjistral.eu/.