Edukazzjoni Lokali Saħħa

Iħosshom ħass ħazin waqt ir-resits minħabba s-sħana

Mill-inqas żewġ studenti li l-Ġimgha filgħodu kienu għaddejjin bir-resits tal-A Levels tal-MATSEC ħasshom ħażin kawża tas-sħana eċċessiva f’waħda minn dawn is-sessjonijiet ta’ resits li saret fil-Laboratorju tal-Junior College fl-Imsida.

Din l-aħbar kienet irrapurtata mill-ġurnal The Malta Independent li kkwotat ġenituri ta’ dawn l-istudenti li lmentaw mill-kundizzjonijiet inaċċettabbli għal uliedhom matul dawn l-ezamijiet.

L-istess ġenituri komplew li wħud mill-istudenti subien saħansitra neħħew il-flokkijiet tagħhom għaliex ma felħux jissaportu iżjed filwaqt li l-inviġilaturi qassmu fliexken tal-ilma kiesaħ lill-istudenti.

Barra minn dan, il-ġenituri li tkellmu ma’ The Malta Independent ilmentaw li fl-istess eżami l-istudenti kienu mitluba jkejlu s-sħana, madankollu fil-laboratorju ma kienx hemm apparat biżżejjed għal kull student.

Il-Ġimgħa kienet l-ewwel ġurnata tar-resits tal-A Levels li jibqgħu għaddejjin matul il-ġimgħa d-dieħla wkoll.