Lokali

Il-Ministru Michael Farrugia ma jerfax ir-responsabbilta’

Il-Ministru Michael Farrugia, li fil-bidu tal-leġiżlatura tal-Gvern Laburista, flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, kien responsabbli mill-artijiet, għażel li għal darba darbtejn ma jweġibx dwar jekk huwiex se jerfa’ r-responsabilita tad-deċiżjoni li titħallas is-somma ta’ 4.2 miljun ewro lis-sidien tal-kumpanija Cities Entertainment biex il-Gvern jakkwista s-sit tal-Cafe Premier fil-Belt Valletta.

Is-somma ta’ 4.2 miljun ewro mħallsa lis-sidien tal-Cafe Premier tinkludi iktar minn żewġ miljun ewro u nofs f’pagamenti pendenti ma’ Banif Bank marbuta ma’ dejn fuq il-post, iktar minn 220 elf ewro arretrati lid-Dipartiment tal-VAT u ‘l fuq minn 190 elf ewro arretrati tal-Income Tax minbarra iktar minn 130 elf ewro arretrati ta’ kontijiet tad-dawl lill ARMS.

Fid-dawl ta’ dan staqsejna lill-Ministru Farrugia jekk huwiex lest li jaġevola bl-istess mod lil kumpaniji oħrajn li jkunu waqgħu lura fil-ħlasijiet tagħhom tal-Income Tax, il-VAT u tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Imma għal darba oħra Michael Farrugia ħarab mill-mistoqsija.

Meta mistoqsi fuq tema serja li l-Oppożizzjoni ddeskrivietha bħala skandlu, il-Ministru Michael Farrugia għażel li jagħmel referenza għat-tisjir minħabba li fi kliemu dan jista’ jkun ta’ periklu għall-bini tal-bibljoteka.

Lil hinn mit-tisjir, Michael Farrugia ma weġibx lanqas dwar l-għazliet l-oħra li kellu l-Gvern quddiemu fosthom dik li jiftaħ kawża biex ikun terminat il-kuntratt mas-sidien ta’ Cafe’ Premiere minhabba li s-sit ma baqax jintuża, li kien hemm arretrati ta’ ċnus mhux imħallsa u li kien hemm tentattiv biex ikun trasferiti ċ-ċnus.