Lokali

Il-PN se jkompli jħares il-prinċipju tad-demokrazija

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li dejjem ħares il-prinċipju tad-demokrazija u hekk se jerġa’ jagħmel quddiem Gvern li jrid jikkanċella l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Marzu li ġej.

Dan qalu is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-proposta tal-Gvern li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru fl-2019 minflok f’Marzu li ġej.

Hu spjega li l-proċess ta’ konsultazzjoni li nieda l-Gvern din il-ġimgħa jkompli jżid l-inċertezza fost il-kunsilliera u kandidati prospettivi li qed joffru l-ħin tagħhom biex jagħtu kontribut lil pajjiżna.

Chris Said qal li jekk il-Gvern irid jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni serju fuq il-Kunsilli Lokali għandu jħeġġeġ id-diskussjoni fuq kif se jissaħħu l-Kunsilli Lokali u dan filwaqt li xorta waħda jħalli l-proċess demoratiku għaddej, jiġifieri li ma jikkanċellax l-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej u l-elezzjonijiet tal-2017.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Kunsilli Lokali, David Agius li qal li fl-20 anniversarju minn meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali, il-Gvern ħoloq sitwazzjoni fejn qed niddiskutu għandhomx isiru l-elezzjonijiet minflok fuq kif se nsaħħu l-ħidma tal-Kunsilli Lokali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport, Robert Cutajar spjega li l-proposta tal-Gvern li ma jagħmilx elezzjonijiet f’Marzu li ġej tfisser li ż-żgħażagħ ta’ sittax-il-sena li ngħataw id-dritt jivvutaw, se jkunu qed jiġu mċaħħda milli jagħmlu dan.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni tkellmu wkoll dwar kif il-Gvern l-ewwel ippropona li ma jsirux elezzjonijiet minħabba l-finanzi imma issa biddel l-pożizzjoni u qed jgħid li l-poplu għandu wisq elezzjonijiet. Spjegaw li f’pajjiżna hawn konkorenza għall-elezzjonijijiet f’kull livell u anke kieku ma kienx il-każ, il-kanċellament tal-elezzjonijiet mhix soluzzjoni. Saħqu li l-proposta tal-Gvern li ma jagħmilx l-elezzjonijiet f’Marzu li ġej hija logħba mad-demokrazija.