Lokali

Aġġornat: Protesta mill-immigranti miżmuma fl-eks Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar

Madwar mitt immigrant irregolari mill-257 li waslu Malta nhar il-Ħamis li għadda, illum waranofsinhar kienu involuti fi protesta fl-eks Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar, fejn ġew trasferiti l-Ġimgha filgħaxija.

Jirriżulta li l-protesta, li fl-ebda ħin ma kienet vjolenti, saret wara li aktar kmieni dawn l-immigranti, uħud minn mis-Sirja u mill-Iraq, tpoġġew f’dan il-post minħabba li l-Gvern qed jaddotta policy li permezz tagħha t-tfal ma jitpoġġewx f’ċentri ta’ detenzjoni.

Il-protesta, li fiha l-immigranti għajtu ‘Freedom Freedom’ u anki ‘Thank you Malta’, bdiet wara nofsinhar u matulha fuq il-post marru wkoll l-ogħla uffiċjali tal-korp tal-Pulizija inkluż l-Aġent Kummissarju Ray Zammit. Fuq il-post marru wkoll uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.

Matul il-ġurnata quddiem iċ-ċentru fejn inżammu dawn l-immigranti kien hemm żewġ ambulanzi li ħadu wħud minnhom l-isptar kif ukoll numru ta’ tobba u assistenti mediċi.

Kelliem għall-Ministeru tal-Intern qalet lil ġurnalisti li dawn l-immigranti tpoġġew f’dan il-post minħabba li fosthom hemm it-tfal.

Jirriżulta li l-immigranti kellhom problema mal-awtoritajiet Malitn għaliex irrifjutaw li jsirulhom testijiet mediċi. Madankollu dawn il-problemi ssolvew u issa li qed isiru dawn it-testijiet, il-pjani huma li dawn jinżammu sa nhar it-Tnejn fin-Naxxar. L-awtoritajiet offrew ukoll lill-immigranti biex jitpoġġew f’Lister Centre iżda dawn irrifjutaw.

Din kienet l-ewwel darba li l-immigranti tpoġġew fin-Naxxar u l-kelliem tal-Ministeru għall-Intern la ċaħdet u lanqas ikkonfermat jekk dan il-post hux se jibda jintuża għal dan l-iskop.

Dwar il-kundizzjonijiet li dawn l-immigranti qed jinżammu fihom, il-kelliem għal Ministeru tal-Intern qalet li dawn huma bażiċi.

Jassistu lil dawn l-immigranti hemm ukoll numru ta’ ghaqdiet volontarji.