Lokali

Ingann mill-gvern dwar iċ-ċifri tal-qgħad u tal-ekonomija

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat aktar moħħu kif se jilgħab maċ-ċifri u kif inhu l-aħjar mod kif jinterpretahom milli biex joħloq postijiet tax-xogħol sostenibbli. Hekk tenna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iktar kmieni llum.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern prova jagħti stampa surreali tas-sitwazzjoni tal-qgħad f’pajjiżna, billi jiftaħar li Malta għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Il-verita’ hi li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna ilha waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea numru ta’ snin u r-rata tal-qgħad baqgħet fl-istess ilma għaliex f’sena, l-Gvern daħħal 2,000 persuna jaħdmu mas-servizz pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-attentat pwerili li għamel l-istazzjon nazzjonali aktar kmieni din il-ġimgħa bi storja fil-bulettin tal-aħbarijiet li tiprova tagħti l-impressjoni li ż-żieda fl-impjiegi mas-servizz pubbliku mhix allarmanti.

L-istess attitudni l-Gvern qed jeħodha f’termini ekonomiċi, fejn is-settur pubbliku kkontribwixxa għal aktar minn terz (35%) tat-tkabbir irrappurtat fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Dan meta fl-istess ħin, numru ta’ setturi ekonomiċi oħra, fosthom il-manifattura, ċkienu.

Gvern serju jagħti każ tal-istatistika li toħroġ minn żmien għall-ieħor, u minflok jara kif l-aħjar li jinterpretaha, jassigura li l-impjiegi li jinħolqu f’pajjiżna, jkunu sostenibbli u mal-privat. Dak li qed jagħmel il-Gvern huwa attentat sfaċċat biex jinganna lill-poplu Malti u biex l-isfidi reali u ekonomiċi ta’ pajjiżna jinħbew taħt it-tapit.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern jirrispetta l-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin u jkun onest. Il-poplu Malti jrid Gvern li jaħdem għal klima ekonomika li toħloq postijiet tax-xogħol sostenibbli u b’pagi tajbin.