Internazzjonali

It-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna tkompli teskala

Il-qawwiet tal-Ukrajna qalu li fighter-jet tagħhom twaqqa’ minn missila ‘Russa’ waqt il-kumbattimenti li għaddejjin fiż-żoni Ukreni tal-Lvant li huma kkontrollati mill-militanti separatisti li jridu jissieħbu mar-Russja.

L-aħbar ngħatat qabel il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kellhom jiltaqgħu fi Brussell biex jikkunsidraw sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja. Dan fost l-akkużi li l-militar Russu qed jiġġieled ‘spalla ma’ spalla’ mas-separatisti fit-territorji tal-Ukrajna.

Għalkemm ir-Russja ċaħdet li l-qawwiet tagħha qed jappoġġjaw lil militanti fl-Ukrajna, l-Uffiċjali Ewropej sostnew, qabel is-summit, li jinħtieġ li jintbagħat messaġġ ċar lil Moska bil-ħsieb li din il-kriżi ma tibqax daqshekk intensiva.