Kultura Lokali

Jitnieda Festival Internazzjonali tal-Arti Viżiva

Ikomplu l-attivitajiet li se jwasslu biex fl-2018 Malta ġġorr it-titlu ta’ Belt Kulturali Ewopea bit-tnedija tal-Valletta International Visual Arts Festival li se jsir bejn l-1 u s-7 ta’ Settembru 2014.

It-tnedija ta’ dan il-festival saret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici fid-daħla tal-Belt Valletta, propju fil-post fejn qed isir il-proġett estensiv li jinkludi l-bini tal-Parlament il-ġdid u l-ħolqien ta’ Pjazza Teatru Rjal li qed jiżviluppaw f’ċentru ta’ attivitajiet kulturali.

L-attivitajiet tal-Valletta International Visual Arts Fevistal, magħruf bħala VIVA, jinkludu numru ta’ attivitajiet u esebizzjonijiet.

Fost l-attrazzjonijiet f’dan il-festival hemm iż-‘Żiemel’, struttura ta’ żiemel bi tliet saqajn li qed ikun ta’ attrazzjoni għal pubbliku minħabba l-oriġinalita’ tiegħu.

Is-sinifikat ta’ din l-istruttura ta’ Austin Camilleri hi li ż-żiemel, li jissimbolizza l-poter u l-qawwa, tilef sieq waħda u għalhekk tilef mill-poter li kellu; l-istess kif qed iseħħ fis-soċjeta u l-mod kif din qed tinbidel.

Il-Ministru Owen Bonnici poġġa din l-iskultura tal-bronz fil-kuntest tas-soċjeta’ preżenti u anki tal-parlament Malti, li tinsab quddiemu.

Hu qal li ż-żiemel bil-poter mitluf jissimbolizza wkoll il-mod kif is-soċjeta’ tħares lejn il-Parlament anki fl-isfond tal-iżviluppi li qed iseħħu fl-istess soċjeta’.

It-tnedija tal-festival tinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ JP Azzopardi u Michael Camilleri, ‘Power Exchange’, li tinsab fi Pjazza de Vallette u struttura tat-tafal ta’ Victor Agius bit-titlu ‘Genesis’ li tinsab fil-Mużew tal-Arti.