Knisja Lokali

Ktieb li jirrakkonta l-esperjenza ta’ missjunarji Maltin

Ktieb ġdid bl-isem ta’ The Maltese Missionary Experience jirrakkonta l-ġrajjiet u l-esperjenzi tal-missjunarji Maltin – qassisin djoċesani, reliġjużi rġiel u nisa kif ukoll lajċi f’70 pajjiż madwar id-dinja.

Il-ktieb, li l-awtur u pubblikatur tiegħu hu Dun Ġwann Caruana, hu stess missjunarju għall-aħħar tletin sena jaħdem fil-Brażil, joffri lill-qarrejja l-esperjenzi li għexu l-missjunarji Maltin – kemm esperjenzi sbieħ kif ukoll oħrajn diffiċli f’pajjiżi li fil-maġġoranza tagħhom huma fqar ħafna.

Missjurnari Maltin oħra kellhom jaffaċċjaw gvernijiet ostili għall-Knisja jew inkella għaddew minn esperjenza ta’ gwerra ċivili.

Il-ktieb hu maqsum f’432 paġna b’qoxra ħoxna u bil-kulur li mistenni joħroġ għall-pubbliku f’Ottubru biex jikkonċidi mal-Ġurnata Missjunarja.

Sat-30 ta’ Settembru li ġej il-ktieb se jkun offrut bi prezz speċjali ta’ ħmistax-il ewro bħala offerta ta’ qabel il-pubblikazzjoni.

Min jixtieq jordna dan il-ktieb jista’ jmur f’waħda mill-fergħat tal-Bank of Valletta jew l-APS Bank.