Il-kumpanija TRC Family Entertainment, li tiżviluppa logħob tat-tfal, keċċiet 33 impjegat kawża tal-problemi finanzjarji serji li għaddejja minnhom bħalissa.
Barra minn dan, l-impjegati tal-kumpanija qalu lit-Times of Malta li huma ma rċivewx is-salarju tax-xahar ta’ Ġunju li għadda.
It-tkeċċija t’ dawn l-impjegati kienet ikkonfermata lill-ġurnal The Times of Malta mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija stess, Paul Taylor. Qal li l-kawża ta’ dawn it-tkeċċijiet hi n-nuqqas ta’ ħlas li kien dovut lilha mill-kumpanija Irlandiża Euphoria Media Limited.
In-nuqqas ta’ dan il-pagament wassal biex TRC Family Entertainment kienet sfurzata twaqqaf ħafna mill-operat tagħha, bil-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi li jnaqqas l-ispejjeż tal-kumpanija immedjatament biex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni finanzjarja b’mod urġenti.
Paul Taylor kompla li l-għan tal-kumpanija hu li l-istess impjegati jiddaħħlu lura jaħdmu mal-kumpanija ladarba l-pagament dovut mill-kumpanija Irlandiża jitħallas.
TRC Family Media Entertainment bdiet topera f’pajjiżna f’Ġunju tal-2011 b’investiment inizzjali ta’ 4.5 milun ewro u kienet rilokat lejn Malta wkoll propjeta’ b’valur ta’ kważi 14-il miljun ewro.
F’Novembru tal-istess sena imbagħad, Malta Enterprise kienet investiet f’din il-kumpanija bix-xiri ta’ 15% f’sehem tal-kumpanija u minn hawn kompliet tistana, speċjalment tul l-ewwel sentejn tagħha f’pajjiżna.
Madankollu l-Erbgħa li għadda 33 impjegati tal-kumpanija ġew infurmati b’email li l-kumpanija ddeċidiet li tagħtihom is-sensja.
Fost il-ħaddiema affettwati hemm kemm Maltin kif ukoll barranin, fosthom ċittadin Amerikan li mexa lejn pajjiżna flimkien mal-kumplament tal-familja tiegħu biex jaħdem mal-kumpanija.
Fil-maġġoranza tagħhom, il-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma software developers imma wkoll script writers, kittieba, artisti, content designers kif ukoll sound engineers.
//= $special ?>

