Wara li fil-jiem li għaddew il-MEPA approvat il-permess biex il-kjosk Mare Azzurro minn taħt it-triq ta’ Bugibba jiċċaqlaq għal fuq il-Belvedere fil-Promenade ta’ Buġibba, ftit ‘il fuq mill-Pjazza, diversi sidien ta’ kjoskijiet oħra – li meta sar il-proġett tal-Promenade kienu iċċaqalqu għal Qawra – qed jistaqsu lil Gvern għaliex huma ma reġgħux ingħataw il-post li kellhom.
Fit-8 ta’ Awwissu, il-bord tal-Environment and Planning Commission tal-MEPA approva applikazzjoni ta’ Joseph Catania biex f’dan il-Belveder proprjeta` tal-Gvern jitpoġġa l-kjosk Mare Azzurro b’mod permanenti bl-imwejjed u siġġijiet.
Jidher li l-applikazzjoni tressqet wara li l-Gvern talab li l-kjosk eżistenti li kien wieħed mobbli fuq sit fiss ikun ri-allokat. Il-Case Officer argumenta li r-raġuni ewlenija għala hu rrakkomanda li l-permess biex il-kjosk jitpoġġa b’mod permanenti fil-Belveder, jinħareġ, hi li kienet id-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern li allokat is-sit lill-applikant.
Issa s-sidien ta’ kjoskijiet oħra li fl-1997 kienu tneħħew minn posthom minħabba li kien qed isir il-promenade ta’ Bugibba u l-Qawra mill-Gvern ta’ Sant qed jistaqsu għaliex huma ma reġgħux intbagħtu fejn kienu.
Filfatt, tnejn mill-kjoskijiet kienu fil-Pjazza ta’ Buġibba u tneħħew u kellhom jarmaw fil-Qawra viċin is-sit fejn illum hemm l-Akkwarju Nazzjonali. Żewġ kjoskijiet oħra kienu armati fit-triq faċċata tal-pjazza ta’ Buġibba u dawn ukoll tneħħew u kellhom jarmaw taħt it-triq ta’ Buġibba.
Ironikament, fi żmien il-Gvern preċedenti, meta ma kinitx intlaqgħet applikazzjoni biex wieħed mill-kjoskijiet jarma fuq il-Belvedere fejn illum se jkun hemm il-Mare Azzurro, bir-raġuni tkun biex jitħares l-ambjent, kien hemm min kiteb ittra lid-Dipartiment tal-Artijiet u insista li ma jingħatax il-permess li jsir kjosk fuq il-Belvedere ħalli ma jkunx rovinat l-ambjent.
Imma issa, jidher li għal dan il-Gvern kollox jgħaddi u nħareġ il-permess għal kjosk propju fuq wieħed mill-Belvederes l-aktar popolari mal-Maltin u mat-turisti.
//= $special ?>