Lokali

Waqt is-summit tal-PPE: appell biex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni internazzjonali

Il-Prim Ministru tal-Polonja Donald Tusk u l-Ministru tal-Italja għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini intgħażlu mill-Kunsill Ewropew biex jimlew il-karigi ta’ President tal-Kunsill Ewropew u Rapprezentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin rispettivament.

Id-deċiżjoni ttieħdet waqt Sammit tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea li sar is-Sibt fi Brussel. Għalih attenda l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat. Donald Tusk se jkun qed jieħu post Herman Van Rompuy filwaqt li Federica Mogherini se tkun qed tieħu post Catherine Asthon.

Il-President tal-Kunsill Ewropew preżenti Herman van Rompuy ħabbar id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew permezz ta’ tweet fuq Twitter. L-għażla ta’ Federica Mogherini biex tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fl-Affarijiet Barranin issa trid tgħaddi mill-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Intant, ftit qabel is-Summit tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, sar Summit ieħor; din id-darba tal-Partit Popolari Ewropew. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil attenda dan is-Summit li sar fi Brussel ftit sigħat biss qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Waqt is-Summit tal-PPE sar appell biex iż-żewġ karigi jimtlew minn żewġ personalitajiet b’saħħithom minħabba s-sitwazzjoni mwegħra internazzjonali, u għaldaqstant hu importanti li vuċi tal-Unjoni Ewropea tkun mismugħha.

Waqt l-istess Summit, li għalih attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġew diskussa numru ta’ suġġetti fosthom is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u miżuri ġodda kontra r-Russja.

Fid-diskors tiegħu waqt is-Summit, iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber appella biex fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew isiru diskussjonijiet dwar żieda ta’ miżuri fil-konfront tar-Russja, filwaqt li jittieħdu deċiżjonijiet konkreta biex il-poplu Ukrejn ikun mgħejjun.

Weber qal li ma jistax ikun li l-President tar-Russja Vladimir Putin qed jipparteċipa waqt laqgħat internazzjonali meta fl-Ukrajna għadhom qed jiġu stazzjonati truppi Russi.

F’kumment qabel ħalla Malta għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, Simon Busuttil qal li l-Unjoni Ewropea għaddejja minn żmien interessanti ta’ tiġdid u Malta m’għandiex tibqa’ passiva, imma għandha taa li l-interessi ġeostrateġiċi tagħha, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, jitpoġġew fuq l-aġenda Ewropea.

Għall-istess Summit, apparti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, attendew mexxejja oħra ta’ partiti poliriċi fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, fosthom il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Attendew ukoll il-President elett tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose’ Manuel Barroso kif ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy.