Kultura Lokali

Banda Ġermaniża f’Malta biex tiċċelebra 150 sena mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Mużikali Santa Katerina

Din is-sena hi waħda speċjali għas-Soċjeta’ Mużikali Santa Katerina li qed tfakkar il-150 sena mit-twaqqif tagħha fl-1864.

U biex tiċċelebra dan l-anniversarju, ġiet mistiedna l-banda Ġermaniża minn Baden Wurttemberg, The Upper Rhine Youth Symphonic Wind Band li se tkun qed tesegwixxi servizzi mużikali u tipprovdi divertiment lill-pubbliku wara ġemellaġġ li sar mal-Banda Santa Katerina dan l-aħħar.

L-ewwel parti ta’ dan il-ġemellaġġ sar f’Lulju li għadda meta l-Banda Santa Katerina żaret il-Black Forest u ħadet sehem f’diversi attivitajiet mużikali. Il-qofol ta’ dan is-seba’ impenn tal-Banda barra minn Malta ntlaħaq permezz ta’ kunċert gala bis-sehem tal-banda Maltija, The Upper Rhine Youth Symphonic Wind Band u l-orkestra taż-żgħażagħ tal-Alemannic Music Association. Fi tmiem dan il-kunċert, it-tliet baned ingħaqdu flimkien u daqqew numru ta’ marċi Ġermaniżi u Maltin.

Intant peress li s-Soċjeta’ Mużikali taż-Żurrieq bdiet tħejji għall-Festa ta’ Santa Katerina, il-banda Ġermaniża ġiet mistiedna biex tipparteċipa fl-attivitajiet mużikali li qed tagħmel is-Soċjeta’ u li se jibqgħu għaddejjin sa nhar it-Tnejn 8 ta’ Settembru.

L-ewwel appuntament tal-banda Ġermaniża f’Malta se jkun proprju l-Ħadd filgħaxija meta se tesegwixxi kunċert fuq il-planċier f’Misraħ ir-Repubblika.

Imbagħad se tipparteċipa fil-kunċert annwali tal-Banda Santa Katerina nhar il-Ħamis 4 ta’ Settembru u, l-għada l-Ġimgħa, iż-żewġ baned se jdoqqu marċi fil-Belt.

Sussegwentament il-Banda Ġermaniża se jkollha żewġ impenji oħra lejlet il-festa ta’ Santa Katerina u nhar il-Festa, il-Ħadd 7 ta’ Settembru, l-istess banda Ġermaniża se tagħlaq il-festa bi programm mużikali fuq il-planċier minn wara l-purċissjoni sa nofs il-lejl.

L-impenji tal-banda mill-Black Forest jintemmu l-għada tal-festa fit-8 ta’ Settembru meta se tkun il-mistiedna speċjali tal-Fondazzjoni V18 b’kunċert fi Pjazza Teatru Rjal.