L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tas-Saħħa – l-MHSA – qed tappella lill-Gvern biex hi wkoll tkun inkluża fil-laqgħat li jsiru bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u l-entitajiet konċernati dwar l-epidemija tal-Ebola.
Dan biex qabel ma l-istudenti jilħqu professjonisti, ikunu mħarrġa minn qabel dwar mard rari u li jittieħed.
L-Uffiċjal Edukattiv tal-MHSA Matthew Bonello f’kummenti lil dan is-sit appella lill-Gvern biex jagħti kas tat-talba tagħhom.
Mistoqsi dwar jekk l-assoċjazzjoni hix infurmata bl-iscreening tal-immigranti li jidħlu f’pajjiżna, Matthew Bonello wieġeb fin-negattiv u żied li f’din iċ-ċirkostanza partikolari u aspetti oħrajn relatati mal-Ebola, l-Assoċjazzjoni qed tħejji seminar li se jittella’ fil-jiem li ġejjin.
Il-virus tal-Ebola hu marda fatali fil-bniedem li tista’ tiġi trasmessa permezz ta’ kuntatt mad-demm u fluwidi kif ukoll kuntatt ma’ annimali infettati. Il-marda qerrieda feġġet f’pajjiżi tal-Afrika Ċentrali u tal-Punent, fosthom, il-Guinea, Sierra Leone, in-Niġerja, u l-Liberja.
Is-sintomi tagħha jibdew jumejn sa tliet ġimgħat wara li wieħed jinħakem mill-virus, u dawn jinkludu deni, uġigħ fil-griżmejn, uġigh fil-muskoli u uġigh ta’ ras. Sussegwentement, dawn is-sintomi jiġu segwiti b’rimettar, diarrhoea u rash mal-ġisem, bi problemi fil-fwied u fil-kliewi. Matul dan iż-żmien, in-nies milquta minn din il-marda jistgħu jiżvinaw kemm internament kif ukoll esternament.
Matthew Bonello qal li l-miżuri preventivi huma dawk applikati normalment, jiġifieri, il-ħasil frekwenti tal-idejn u li wieħed jevita l-kuntatt ma’ nies suspettati li għandhom din il-marda.
Sa nofs Awwissu, aktar minn 2,100 każ suspettat, inkluż kważi 1,500 mewta, ġew rappurtati lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Is-seminar li qed tħejji l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tas-Saħħa, li se jsir fil-ġimgħat li ġejjin, se jiffoka fuq il-perikli mill-marda tal-Ebola. Bħala studenti tas-saħħa bla fruntieri, il-membri tal-MHSA fissru s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda katastrofika u li qed tiddeterjora kuljum. Seminar simili se jiġi organizzat mill-Kamra Maltija tal-Ispizjara.
//= $special ?>