Futbol Sport

Gascoigne jrid jgħeleb l-vizzju tax-xorb

“Jien alkoholiku, ngħix minn jum għal jum imma rrid noħroġ minn dan kollu u din il-marda u ninsab determinat.” Hekk ikkummenta wara xhur sħaħ ta’ silenzju u wara li dan l-aħħar reġa’ kien rikoverat fi sptar minħabba abbuż ta’ alkohol, l-eks internazzjonali Ingliż Paul Gascoigne.

Mhix l-ewwel darba li l-eks plejer ta’ Newcastle, Tottenham, Lazio u l-Ingilterra fost l-oħrajn, għamel stqarrijiet simili.

Gascoigne spjega li reġa’ waqa’ għat-tentazzjoni tal-alkohol wara li kien arrestat fuq ksur tal-paċi pubblika meta numru ta’ partitarji diżappuntati, xahar ilu waddbuli bottijiet tal-birra u fliexken tal-alkohol fuq l-għatba tal-bieb.

Seba’ snin ilu Gascoigne kien qal li mhux se jkollu l-istess tmiem ta’ George Best imma minn dakinhar daħal fi sqaq li ma jistax joħroġ minnu.