Lokali

Il-MOAS issalva aktar minn 300 immigrant irregolari

Il-Migrant Offshore Aid Station magħrufa bħala MOAS, inizjattiva umanitarja privata li tikkonsisti mill-vapur Phoenix u l-ekwipaġġ professjonali ta’ dan il-vapur, wettqet żewġ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran li fihom salvat aktar minn 300 immigrant irregolari.

Fl-ewwel każ grupp ta’ immigranti li kien jikkonsisti minn 130 raġel, 40 mara u 57 tfal ġew salvati minn dgħajsa tas-sajd u trasferiti fuq vapur Taljan.

Fit-tieni każ, 96 raġel ġew salvati minn fuq dinghy bl-għajnuna fost oħrajn tal-vapur militari Amerikan Samuel B Roberts.

Iż-żewġ gruppi kienu aktar tard trasferiti fuq il-vapur militari Taljan San Giusto.

MOAS esprimiet sodisfazzjon għal din l-ewwel ħidma tagħha filwaqt li appellat għad-donazzjonijiet li jistgħu jsiru fuq is-sit elettroniku tal-inizjattiva.