Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jitlob inkjesta pubblika wara każ ieħor ta’ vapur li jaħrab

L-aħbar li ġiet żvelata mis-sit Newsbook u llum minn The Sunday Times, jiġifieri li l-awtoritajiet Maltin ħarbilhom it-tieni vapur maqbud b’ordni tal- Qrati Maltin f’inqas minn tliet xhur, hija prova oħra tal-inkompetenza tal-Gvern. Hekk saħqu fi stqarrija d-deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Toni Bezzina.

Sfortunatament, din l-aħbar mhix iżolata tkompli tgħid l-istqarrija. L-istqarrija tispjega kif f’Mejju li għadda, ħarab minn Malta tanker kbir li kien maqbud b’ordni tal-Qrati Maltin. Sforz il-kritika li kienet qamet, il-Prim Ministru kien ordna inkjesta mhux pubblika. Ir-riżultat tal-inkjesta ordnata minn min kien wiegħed l-iktar Gvern accountable, skont dak li ħareġ fil-media, kien li ħadd mill-awtoritajiet Maltin ma kien responsabbli, u kulħadd kien bla ħtija.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li jinkwieta bis-sħiħ meta jara kif is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna spiċċat irridikolata minn Gvern inkompetenti. Il-ħasra hija li l-konsegwenzi tbatihom l-ekonomija Maltija għax każijiet bħal dawn inaqqsu l-fiduċja ta’ min irid jinvesti f’Malta peress li jonqsilhom is-serħan il-moħħ dwar jekk jistgħux jafdaw is-sistema ġudizzjarja Maltija tkompli tgħid l-istqarrija.

Dan hu r-riżultat tad-deċiżjoni li ħa l-Gvern li jwarrab lil min kien kompetenti f’diversi awtoritajiet, fosthom fil-Forzi Armati ta’ Malta u Transport Malta, biex minflokhom poġġa persuni oħrajn.

L-istqarrija tintemm billi titlob li ssir inkjesta pubblika skont il-Liġi tal-Inkjesti, fejn ix-xhieda kollha trid, skont il-liġi, tittieħed bil-ġurament, tkun pubblika u l-konklużjoni wkoll tkun ippublikata biex kull Malti u Maltija jkunu jafu l-verità kollha.