Tlett iġriewi tar-razza Labrador Retriever li għandhom madwar tmien ġimgħat, waslu Malta minn Lyon fi Franza biex jibdew programm ta’ taħriġ li, fl-aħħar mill-aħħar, se jwassalhom biex ikunu klieb li jiggwidaw persuni neqsin mid-dawl. Il-klieb kienu akkumpanjati minn Antonin Morin, il-breeder Franċiż tagħhom.
Mal-wasla tal-ġriewi Jodie, Justy u Juno – fis-sala tal-wasliet tal-ajruport – ic-Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation Leone Sciberras, li hu wkoll persuna nieqsa mid-dawl, fisser li issa dawn il-klieb se jkunu qed jgħixu ma’ tliet familji biex jitgħallmu jissoċjalizzaw. Hu qal li din il-fażi hi kruċjali għax tiddetermina l-karattru tal-kelb meta ‘l quddiem isir guide dog.
Leone Sciberras spjega dwar kemm hu importanti li l-handler jesponi l-kelb f’postijiet pubbliċi, bħal fuq xi karozza tal-linja jew f’restorant.
Hu stqarr li meta l-klieb jagħlqu ftit aktar minn sena, jgħaddu minn taħriġ intensiv.
Sadattant, il-Fondazzjoni se tkun qed tagħmel programm ta’ mobbilta’, orjentazzjoni u tqabbil tal-kelb ma’ persuna nieqsa mid-dawl sabiex imbgħad tidentifika l-aħjar persuna li se tkun akkumpanjata minnu.
Leone Sciberras appella għall-kooperazzjoni tal-pubbliku meta jara dawn il-klieb, li se jkunu identifkati b’libsa tal-apposta bħala guide dogs.
S’issa, bil-wasla ta’ dawn il-ġriewi, hawn 12-il guide dog għal persuni neqsin mid-dawl f’Malta u hemm tlett iklieb oħra li waslu biex jingħaqdu ma’ dan il-grupp li jipprovdi servizz mitqlu deheb fil-komunita’.
Il-Fondazzjoni qed issib l-għajnuna minn diversi kumpaniji biex twettaq il-ħidma tagħhom, fosthom minn ditta li tipprovdi ikel b’xejn lill-klieb.
//= $special ?>

