Knisja Lokali

Ħatra ta’ żewġ kappillani ġodda

Fi stqarrija l-Kurja ħabbret li l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona kien ħatar li Dun Marc Andre’ Camilleri bħala Kappillan tal-Paroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Dun Camilleri twieled fil-15 t’Awwissu 1984 u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard, fis-Seminarju Minuri tal-Virtu’, fil-Junior College u fil-Fakulta’ tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta. Huwa ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2010.

Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi fejn serva għal erba’ snin, tlieta minnhom bħala Viċi Kappillan. Kien ukoll assistent direttur spiritwali tal-iskola primarja ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi. Minn erba’ snin l’hawn Dun Marc Andre’ huwa wkoll membru tal-Missjoni ż-Żgħira.

Fi stqarrija oħra ntant l-Kurja ħabbret li l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona kien ħatar lil Patri Alexander Borg O.F.M bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor tas-Sliema.

Patri Alex Borg twieled fis-16 ta’ Ottubru 1955. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira u l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju Minuri, il-Furjana. Għamel il-professjoni solenni mal-Ordni tal-Patrijiet Franġiskani Minuri nhar il-5 ta’ Settembru 1975 u kompla l-istudji tiegħu r-Rabat, f’Assisi u f’Bologna. Patri Alex ġie ordnat saċerdot fl-10 ta’ Lulju 1983.

Huwa serva fil-komunitajiet ta’ Birkirkara, tas-Sliema, ir-Rabat u l-Belt Valletta. Għal dawn l-aħħar snin kien viċi-kappillan fl-istess parroċċa.