Għal 31 sena konsekuttiva, numru rekord ta’ kaċċaturi minn San Ġiljan u oħrajn minn inħawi oħra ta’ Malta sellmu l-istatwa titolari ta’ San Ġiljan billi sparaw skrataċ in bjank ikkargati bil-porvla sewda minn fuq il-bejt tal-Knisja ta’ San Ġiljan. L-iskrataċ ġew provduti mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti – Malta (FKNK) biex taw bidu għall-festivitajiet ta’ din is-sena li jikkomemoraw il-festa tal-qaddis patrun tal-kaċċaturi Maltin, San Ġiljan.
Waqt l-istess okkazzjoni, l-FKNK, kif għamlet is-sena l-oħra, telqet numru sostanzjali ta’ gamiem imrobbija fil-magħluq, bħala ġest ta’ konservazjoni, li niżel tajjeb immens minn dawk kollha preżenti.
Din l-esperjenza unika hija magħġuna fit-tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ imma illum hija ikkaratterizzata biss mill-paroċċa ta’ San Ġiljan. Interresanti li l-kelma “Musketterija” ġejja mill-kelma Taljana “Moschetto” u l-kelma bil-Malti hija xkubetta. Fil-fatt fiż-żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, is-suldati tal-Ordni kienu jisparaw il-“Moschetto” bħala salut waqt il-festa ta’ “Korpus Kristi”.
Is-Sur Lino Farrugia (il-Kap Esekuttiv tal-FKNK) qal li għalhekk kien importanti li din it-tradizzjoni tinżamm ħajja, filwaqt li rringrazzja lill-kaċċatur veteran membru onorarju tal-FKNK, is-Sur Aldo Azzopardi, li hu l-persuna responsabli li din it-tradizzjoni baqgħet ħajja tul is-snin.
Fl-aħħarnet, u f’lejliet il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa, l-FKNK tawgura staġun tajjeb lill-membri kollha tagħha.
//= $special ?>

