Brendan Rodgers iċċelebra l-100 logħba tiegħu bħala manager ta’ Liverpool b’rebħa komda f’White Hart Lane kontra Tottenham li kienu għadhom mhux megħluba.
F’din il-logħba ma’ Liverpool iddebutta wkoll mill-bidu l-attakkant Taljan Mario Balotelli li ħa post Philippe Coutinho u ħela ċans tajjeb bir-ras wara biss żewġ minuti, imma dan ftit kien jimporta hekk kif Spurs ġarrbu l-ewwel telfa taħt il-manager Mauricio Pochettino.
Liverpool li kienu rebħu dan il-konfront 5-0 l-istaġun li għadda, marru fil-vantaġġ minn Raheem Sterling u Steven Gerrard irdoppja minn penalty wara foul ta’ Eric Dier mal-ftuħ tat-tieni taqsima.
Mas-siegħa logħob Albert Moreno ssiġilla r-rebħa għal Liverpool b’xutt angolat wara żball banali fid-difiża ta’ Tottenham kważi f’nofs ground.
Lejn it-tmiem Spurs li kienu ġejjin minn rebħiet kontra West Ham u QPR kienu mċaħħda minn penalty meta Dejan Lovren deher jiġbed lil Adebayor.
Aston Villa baqgħu rreżistew għal pressjoni qawwija lejn it-tmiem biex baqgħu mingħajr telfa u telgħu fit-tielet post wara rebħa 2-1 kontra Hull City f’Villa Park.
Kienet ġimgħa negattiva għat-tim ta’ Steve Bruce li kien eliminat mill-Europa League il-Ħamis minn Lokeren.
Agbonlahor fetaħ l-iskor wara 14-il minuta b’xutt għar-rokna u l-Awstrijakk Andrea Weimann li kellu sehem importanti fl-ewwel gowl, irdoppja fis-36 minuta wara azzjoni ta’ Kieran Richardson.
Hull naqqsu l-iskor wara l-mistrieħ minn daqqa ta’ ras ta’ Nikica Jelavic imxellfa mid-difensur Aly Cissokho.
Villa spiċċaw il-partita b’għaxar plejers meta weġġa’ Ron Vlaar fil-ħin miżjud imma żammew ir-riżultat sat-tmiem.
Fi tmiem il-logħba l-manager ta’ Hull Steve Bruce ddeskriva l-ewwel taqsima kontra Aston Villa bħala l-agħar wirja tat-tim kemm ilu fit-tmexxija.
Arsenal waqggħu żewġ punti oħra ferm importanti fl-isfida tagħhom għat-titlu meta kienu miżmuma fi draw 1-1 għand Leicester.
Kienu Arsenal li fetħu l-iskor fl-20 minuta minn Alexis Sanchez bl-ewwel gowl tiegħu fil-Premier meta minn cross ta’ Santi Cazorla, Yaya Sanogo ma laqatx sewwa u Sanchez kien pront ikkonkluda fix-xibka.
Imma r-reazzjoni ta’ Leicester promossi dan l-istaġun kienet immedjata u żewġ minuti wara minn cross perfett ta’ Jeff Schlupp, Leo Ulloa għola tajjeb minn wara dahar Koscielny u bir-ras xeħet fix-xibka. Fit-tieni taqsima Ulloa falla wkoll il-gowl tar-rebħa.
Għal din il-partita l-manager ta’ Arsenal Arsene Wenger reġa’ ħalla fuq il-bank lill-Ġermaniż Lukas Podolski u rapporti qalu li mhux eskluża l-possibilta` li llum il-manager tiegħu jitlob biex il-plejer jiċċaqlaq ma’ klabb ieħor.
//= $special ?>

