Sport Waterpolo

Marsascala Champions tal-Ewwel Diviżjoni

Otters Nivea……..9
Marsascala MOR€….15
(5-4),(1-5),(3-4),(0-2)

F’logħba aggressiva u twila, Marsascala saru ċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni b’rebħa ta’ 15-9 fuq Otters Nivea biex b’hekk kisbu d-double. Marsascala riedu rebħa bilfors wara li Marsaxlokk żammew il-pressjoni sal-aħħar.

Għal Otters dan kien staġun imħallat b’wirjiet pożittivi iżda batew f’xi partiti minħabba l-eta’ tal-plejers li b’dedikazzjoni jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom.

L-Għawdxin ħasdu lil Marsascala b’tripletta inizjali ta’ Vuksanovic. Iżda t-tim ta’ Pierre Borg irkupra u naqqas il-marġni għal gowl sat-tmiem is-sessjoni. Marsascala marru fil-vantaġġ fit-tieni sessjoni b’ħames gowls u daħlu jistrieħu 9-6.

Marsascala ħadu r-riedni tal-partita fit-tielet sessjoni li kienet movimentata aktar u prattikament għamlu ċert mir-rebħa. Minkejja li l-partita kienet prattikament magħluqa, l-aħħar sessjoni ħadet aktar fit-tul b’argumenti żejda bejn iż-żewġ timijiet b’Marsascala jagħlqu l-partita.

Fl-aħħar tal-partita l-kaptin Joseph Cremona ġie preżentat bit-trofew minn Christine Saliba Manager tal-B.O.V u Joe Caruana Curran President tal-A.S.A.