Lokali

Perjodu ta’ inċertezza għall-ħaddiema tal-Enemalta

Minkejja li qabel l-aħħar elezzjoni ingħataw garanzija mill-Partit Laburista li l-kundizzjonijiet tagħhom mhux se jkunu mittiesfa, u li l-Enemalta mhux se tkun privatizzata, il-ħaddiema tal-Enemalta bħalissa qed isibu li qed jiġri l-oppost u jinsabu f’perjodu ta’ inċertezza dwar il-futur tagħhom.

U issa anke l-ħaddiema professjonisti fil-Korporazzjoni jinsabu nkwetati dwar x’se jigri minnhom.

Dan jirrizulta minn ċirkolari li l-Enemalta Professional Officers Union bagħtet lill-ħaddiema tal-Enemalta membri tagħha u li minnha jirriżultaw ċerti fatti dwar il-futur ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema. Dan is-sit għandu kopja ta’ din iċ-ċirkolari.

Iċ-ċirkolari hi fil-forma ta’ mistoqsija u tweġiba u intbgħatet lill-ħaddiema tal-Enemalta wara li l-union kienet mistiedna tattendi laqgħat mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Enemalta. B’hekk din hi informazzjoni li ġejja minn ras il-għajn.

Iċ-ċirkolari tibda b’dikjarazzjoni li fiha kien speċifikat li kull minn preżentement hu impjegat mal-Enemalta se jiġi trasferit bħala impjegat mal-kumpanija ġdida Engineering Resources Ltd u ssekondat f’waħda mill-kumpaniji varji li se jkun hemm taħt l-Engineering Resources Ltd. Fost il-preokupazzjonijiet tal-ħaddiema tal-Enemalta hemm dik dwar x’jiġri jekk impjegat ma jixtieqx li jiġi misluf u ma jaċċettax l-offerta tal-Engineering Resources Ltd biex jiġi ssekondat mal-Gvern. It-tweġiba iswed fuq l-abjad titkellem weħidha – “Min ma jridx jaħdem jew ma jaċċettax l-ebda impjieg mogħti lilu se jkollu jaċċetta d-deċiżjonijiet li jiġu imposti lilu mill-Gvern”.

L-impjegati se jintalbu juru x-xewqa fejn iridu jmorru iżda l-kriterji tal-għażla għad iridu jkunu definiti mal-unions għalkemm dawn se jkunu skont is-seniority, l-esperjenza kif ukoll dik li qed tissejjaħ importanza ta’ ċerti impjegati uniċi.

Miċ-ċirkolari jirriżulta wkoll li l-istrutturi tal-kumpaniji l-ġodda għadhom qed jittfasslu iżda hu speċifikat li l-ħaddiema se jinqasmu u se jiġu sekondati mal-Enemalta, il-BWSC, l-Electrogas, il-Petromal, l-Energy Services Centre u kumpanija oħra tal-Pannelli Fotovoltajċi.

Minbarra dawn hemm ħaddiema li se jiġu sekondati ma’ kumpaniji oħrajn li għadhom m’humiex identifikati.

Kwistjoni importanti tittratta l-paga li l-ħaddiema jieħdu u l-allowances. Jirriżulta li l-allowances li hemm fil-ftehim kollettiv se jibqgħu hemm iżda mhux jingħataw garanziji li l-paga li l-ħaddiema jieħdu bħalissa, dik magħrufa bħala take-home pay, tibqa’ l-istess.

Dwar ix-shiftijiet il-pożizzjoni hi li min illum qed jaħdem bix-shift jista’ ma jibqax jagħmel dan u allura jitlef ix-shift allowance. Min jibqa’ bix-shift jibqa’ jitħallas kif kien.

Għall-ħaddiema tal-Enemlata l-kwistjoni tax-shifts hi importanti. Il-pożizzjoni li qed tieħu l-Enemalta hi li x-shifts qatt m’huma garantiti u qed tiddikjara minn issa li jista’ jkun li ċerti shifts mhux se jibqgħu l-istess.

Miċ-ċirkolari mibgħuta mill-union jirriżulta wkoll li l-ħaddiema se jkunu infurmati xahar qabel ma jiġu sekondati.