Għawdex Kultura Lokali

Suċċess għax-Xagħra Historical Re-Enactment Organization

Xagħratale huwa l-isem ta’ re-enactment dwar l-istorja ta’ dan ir-raħal f’Għawdex….mill-preistorja sa żmien it-tieni gwerra dinjija, li ttella’ fil-pjazza tax-Xagħra kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija mill-bidu ta’ Lulju sa nofs din il-ġimgħa.

Inizjattiva ġdida tax-Xagħra Historical Re-enactment Organization bi tħejjija għall-festa tal-Vitorja, li tkun iċċelebrata f’dan il-villaġġ Għawdxi fit-tmienja ta’ Settembru li ġej.

Dan l-ispettaklu ta’ żfin u drama twil 20 minuta, li attira ħafna Għawdxin, Maltin imma anke turisti, involva madwar 40 parteċipant lebsin kostumi tal-epoka, akkumpanjati minn effetti viżivi u mużika.

U ħa lura fiż-żmien għal mixja mal-istorja lill-mijiet ta’ nies li segwewh fl-aħħar xahar u nofs, kull ġimgħa….mill-perjodu Neolitiku fit-tempji tal-Ġgantija li tant hi mfittxija għalihom ix-Xagħra, iż-żminijiet li fihom il-gżejjer Maltin kienu maħkuma mill-Feniċi, il-Kartaġiniżi, ir-Rumani, il-Biżantini, l-Għarab, in-Normanni, l-Anġevini u l-Aragonizi…..il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-miġja tal-Franċiżi, żmien il-Kolonja Ingliża, l-epidemija tal-pesta li kienet laqtet lil Għawdex….u finalment it-tieni gwerra.

L-ispettaklu laħaq il-qofol tiegħu bit-tifkira tar-rebħa tal-Maltin u l-Kavallieri fuq il-Mislem Tork fl-Assedju u r-rebħa tal-alleati fuq l-għedewwa fi Sqallija…żewġ vittorji li seħħew fit-8 ta’ Settembru, jum il-festa ta’ Marija Bambina, appuntu l-padruna tax-Xagħra.

Fl-istess ħin, dawk li kull nhar ta’ Erbgħa nġabru biex isegwu din il-produzzjoni, setgħu jgawdu wkoll mid-diversi ristoranti u wine-bars li bihom hi mimlija l-pjazza tax-Xagħra…biex minn din l-inizjattiva gawdew ukoll l-istabbilimenti tal-lokal.

Ix-Xagħra Historical Re-Enactment Organization kienet twaqqfet fl-2007, bl-ewwel re-enactment dik is-sena kienet saret f’Settembru biex tikkommemora l-Assedju l-Kbir ta’ Malta fl-okkażjoni tal-festa tal-Vitorja. U minn dakinhar ‘l hawn, dan il-grupp ta’ voluntieri tella’ produzzjonijiet simili kull sena.

Fl-2010 il-grupp inbidel formalment f’NGO li l-iskop ewlieni tagħha hu li tfakkar l-Assedju u l-Kavallieri ta’ Malta b’diversi attivitajiet storiko-kulturali – dejjem minn laqta lokali, jiġifieri b’rabta ma’ avvenimenti storiċi li jinvolvu lix-Xagħra.