Ir-riformi fil-liġijiet dwar l-abbuż tad-droga bdew ikunu diskussi bejn l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet nazzjonali kollha bl-iskop li l-implimentazzjoni tagħhom tkun effettiva u tħalli l-ikbar benefiċji possibbli fis-soċjeta’.
F’diskussjoni miftuħa fl-Universita’ l-Qadima fil-Belt, l-Avukat Ġenerali Peter Grech tkellem dwar ix-xogħol li qed jinħoloq fil-qorti biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar ta’ droga jitressqu l-qorti. Dan flimkien ma’ proċess burokratiku li ma jirriflettix l-ammont li fuqu jkun tressaq il-persuna.
Il-preżentatur Peppi Azzopardi poġġa diversi punti għad-diskussjoni u argumenta li l-ebda persuna li jinqabad bid-droga m’għandu jintbagħat il-ħabs għaliex din mhix il-kura meħtieġa. Peppi Azzopardi qal li m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn id-drogi u sostna li fil-white paper xorta hemm indikazzjoni li min jinqabad diversi drabi bid-droga se jintbgħat il-ħabs.
Monsinjur Victor Grech qal li ma jirriżultax li l-iskop wara din ir-riforma hu li jkun hemm legalizzazzjoni tad-droga. Hu enfazizza li kulħadd irid ikun konxju li d-drogi kollha jagħmlu l-ħsara u li anki l-kannabis tista twassal għal drogi oħra.
Monsinjur Grech enfazizza l-importanza li r-residenti tal-Caritas li jkunu qed jagħmlu l-programm jingħataw l-opportunita li mhux biss jirriformaw iżda li jkunu ta’ kontribut għas-soċjeta’.
Filwaqt li enfazizza l-importanza tar-riablitazzjoni wara li intemm il-kura, Monsinjur Grech qal li filfatt il-problema tibda meta l-persuna jerġa’ jirritorna fis-soċjeta’ u jerġa’ jkun espost għall-elementi li jknu kaġun li hu qabad il-vizzju.
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-Ministri Owen Bonnici u Michael Farrugia u tkellmu dwar l-iskopijiet tal-Gvern f’din ir-riforma.
L-enfasi tal-Ministri Farrugia u Bonnici kienu fuq il-problemi assoċjati mat-teħid tad-droga fejn kien specifikat li minbarra l-problemi maħluqa mid-droga hemm ukoll il-problemi li jinħolqu waqt u wara li l-persuni jingħataw il-kura. Fost dawn il-problemi hemm dawk familjari u soċjali.
//= $special ?>

