Editorjal

Editorjal: L-iżbilanċ jiżdied b’50 miljun f’seba’ xhur

Il-mod kif il-Gvern Laburista qed jonfoq flusna ilu jqanqal tħassib.
Il-mod kif juża l-flus li aħna nħallsu f’taxxi biex jippremja lil tal-qalba u lil tal-billboards issa hu magħruf.
Il-mod kif il-Partit Laburista juża ħwejjeġ il-poplu biex jinqeda hu, issa hu ċar.
Il-mod kif flusna qed jispiċċaw ikkontrollati minn nies – Maltin u barranin – b’dellijiet koroh ħafna fuqhom qed ikompli joħroġ fid-dieher.
U issa ħiereġ ukoll kif l-istat tal-finanzi pubbliċi qed imur kontinwament għall-agħar, l-iżbilanċ qed jiżdied sostanzjalment, u d-dejn pubbliku wkoll.

Minkejja logħob biċ-ċifri biex jidhru sbieħ
Dan jirriżulta miċ-ċifri li joħroġ il-Gvern stess u minkejja logħob biex jidhru kemm jista’ jkun sbieħ waqt li ċ-ċifri ta’ qabel l-elezzjoni jitpinġew kemm jista’ jkun koroh. Hekk ġara b’70 miljun ewro li kienu dħul fl-2012 imma li l-Gvern Laburista ddeċieda li jurihom bħala dħul tiegħu fl-2013 ħalli jpinġi isbaħ iż-żmien wara li tela’.

Il-Gvern Laburista stess jgħid li mar għall-agħar b’51 miljun
Imma minkejja dan il-logħob biċ-ċifri, xorta l-finanzi tal-Gvern fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena qed juru li marru lura sew meta mqabblin mal-istess seba’ xhur tas-sena ta’ qabel. B’51 miljun ewro skont il-Gvern Laburista stess.

Żbilanċ ta’ 310 miljun ewro diġà fl-ewwel seba’ xhur tas-sena
Għax il-Gvern għadu kemm ħareġ iċ-ċifri għal bejn Jannar u Lulju u, anke mlibbsa bl-isbaħ mod minnu stess, din is-sena s’issa l-finanzi tal-Gvern qegħdin minn taħt bi 310 miljun ewro, 51 miljun aktar mis-sena l-oħra. Żbilanċ agħar minn Prim Ministru li wiegħed li mhux talli ma jżidux l-iżbilanċ, talli jneħħih kollu bil-mira ta’ budget bilanċjat li jdaħħal daqs kemm jonfoq.

Impjiegi mal-gvern
Ir-raġuni ewlenija għad-deterjorament fil-finanzi pubbliċi hi l-impjiegi mal-gvern. Il-Gvern Laburista f’sena daħħal mat-3,500 ruħ mal-gvern meta kien qal li biex jikkontrolla l-iżbilanċ lanqas kien se jirrimpjazza dawk li jirtiraw.

Anke jekk jipprova jillapazza bi dħul ta’ darba
U l-pagi tan-nies li daħħal huma nefqiet rikorrenti li jridu jsiru kull sena u mhux xi ċikka ta’ darba. Anke jekk il-Gvern qed jipprova jtaffihom bi dħul ta’ darba billi jbigħ l-EneMalta per eżempju, li kulħadd jifhem li ladarba tbigħha ma tistax terġa’ tbigħha.

Joseph Muscat żied id-dejn bi 323 miljun ewro
U dan kollu jaffettwa d-dejn tal-pajjiż. Il-Prim Ministru Muscat kien wiegħed li jikkontrolla d-dejn. Mhux talli ma kkontrollahx, talli kemm ilu fil-gvern żied id-dejn pubbliku bis-somma ta’ 323 miljun ewro. Prim Ministru li wiegħed hekk: ‘għaqal bi flusek’, imma li fil-fatt qed jisparpalja fuq tal-qalba u jżid id-dejn fuqna b’mod qawwi.