Lokali Qorti

Mistennija d-deċiżjoni dwar jekk is-soċju tal-Mużew jingħatax liberta’ proviżorja

It-Tlieta, il-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk is-soċju tal-mużew ta’ 46 sena, jingħatax il-liberta’ proviżorja jew le. Nhar il-Ħamis li għadda hu tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa tifel ta’ 10 snin fil-baħar taħt li “Splash and Fun” f’Baħar iċ-Ċagħaq, limiti tan-Naxxar, li ikkommetta reat vjolenti għall-pudur fuq l-istess minuri u li ġab ruħu b’mod li tah fastidju u li offenda l-morali pubblika.

Dan wara li dalgħodu, ma tmiem l-ewwel kumpilazzjoni, li fiha xehed l-allegat vittma, l-Avukat tad-difiża Arthur Azzopardi akkumpanjat mill-Avukat Kathleen Grima għamel talba oħra għal liberta’ proviżorja. Il-Maġistrat Giovanni Griscti kien ċaħad l-ewwel talba minħabba l-fatt li kien għad irid jixhed l-allegat vittma

L-akkużat huwa mis-Siġġiewi huwa t-teżorier tas-Soċjeta’ tal-Mużew u Assistent Kap ta’ skola.

Il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli saret bil-magħluq fejn it-tifel xehed permezz tal-“video conferencing”. Xehed ukoll l-Ispettur Josric Mifsud li qed imexxi l-Prosekuzzjoni. Huwa mifhum li għad hemm diversi persuni oħra li se jixhdu f’dan il-każ li mistenni jkompli fit-8 ta’ Ottubru li ġej.

L-allegat każ, li tiegħu l-akkużat qed jiċħad r-reati kollha miġjubin kontrieh, seħħ waqt attivita’ organiżżata mill-mużew, fejn preżenti kien hemm diversi tfal. Wara li tressaq il-Qorti, l-akkużat irreżenja kemm mis-Soċjeta’ tal-Mużew, kif ukoll mill-iskola li kien imexxi.