Hemm bżonn li l-Gvern jindirizza l-problema tat-traffiku fil-Manikata. Dan qalu l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, fi stqarrija b’referenza għall-inċident li seħħ nhar il-Ġimgħa, fil-Manikata limiti tal-Mellieħa, fejn vettura waqgħet għoli ta’ madwar sular u nofs għal ġo għalqa.
Din it-triq illum-il ġurnata hija waħda traffikuża għall-aħħar u kif ukoll hija waħda mit-toroq li minnha jgħaddi s-servizz tat-trasport pubbliku. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa appella lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex tittieħed azzjoni mill-aktar fis u din il-parti tat-triq titwessa’ sabiex ikunu evitati aktar aċċidenti fil-futur.
Minkejja dan, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa innota li din mhix is-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku li qegħda taffaċċja l-Manikata. Il-Kunsill ilu għal diversi snin jappella lil Gvern Ċentrali biex jindirizza din il-problema li f’dawn l-aħħar snin kompliet tmur għall-agħar. Il-Kunsill tenna l-appell tiegħu biex tinstab soluzzjoni b’tali mod li jinqata’ t-traffiku mill-qalba ta’ din il-komunita.
Waqt li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa awgura fejqan ta’ malajr lill-mara u t-tlett itfal li spiċċaw l-isptar wara dan l-aċċident, appella lill-awtoritajiet sabiex jikkonsidraw din is-sitwazzjoni bħala waħda serja u jinbdew diskussjonijiet mal-istess Kunsill Lokali b’mod immedjat sabiex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għal din il-problema.
//= $special ?>

