Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tfassal pjan ta’ azzjoni biex l-ekonomija Maltija tissaħħaħ

Għas-snin li ġejjin, il-Kamra tal-Kummerċ qed tfassal pjan ta’ azzjoni biex l-ekonomija Maltija mhux biss tilqa’ għall-isfidi iżda wkoll toħloq opportunitajiet ġodda li jkomplu joħolqu x-xogħol.

Il-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ kienu elenkati waqt preżentazzjoni lil Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, l-MCESD.

Il-bażi tal-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ hi li Malta ma tistax tkun kollox għal kulħadd u l-importanza tad-diversifikazzjoni. Il-Kamra tal-Kummerċ indikat diversi elementi pożittivi u oħrajn negattivi fl-ekonomija Maltija u pproponiet rimedji għalihom.

Fost l-aspetti pożittivi tal-ekonomija Maltija hemm id-diversifikazzjoni fejn il-Kamra tal-Kummerċ qed issostni li l-ekonomija Maltija hi iktar ddiversifikata minn ekonomiji barranin u li dan kien fattur ewlieni li wassal biex Malta ma kinitx effettwata negattivament mill-kriżi internazzjonali.

Aspett ieħor enfazizzat mill-Kamra tal-Kummerċ hu li 73 tal-impjiegi huma fis-settur privat.

Fil-proposti tagħha l-Kamra tal-Kummerċ qalet li jeħtieġ investiment qawwi fl-edukazzjoni għaliex din hi l-akbar problema li għandu l-pajjiż. Dan filwaqt li titella’ l-kwalita’ tal-prodott għaliex fil-verita’ is-servizzi li joffri l-pajjiż għadhom medjokri, idumu biex jingħataw u fihom element ta’ burokrazija.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li Malta ssir ċentru ta’ teknoloġija ġdida f’ambjent ikkontrollat waqt li jkun hemm iktar politika li tattira investiment minn barra l-Ewropa.

Id-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ jelenka wkol numru ta’ setturi li għandhom jingħataw prijorita’ ghall-futur fosthom is-servizzi finanzjarji, l-ICT, il-filming, ix-xjenza tal-ħajja, it-trasport marittimu, l-avjazzjoni u t-turiżmu.

L-akbar preokupazzjoni espressa mill-Kamra tal-Kumemrċ hi li Malta tinsab ‘l isfel fost il-pajjiżi li fihom hu faċli li tagħmel in-negozju. Dan jippreokkupa lil Kamra tal-Kummerċ għaliex jirriżulta proprju minn stħarrig tal-Bank Dinji; liema stħarriġ ikun ikkunsidrat qabel l-investituri barranin jagħżlu lil Malta għall-Investiment. Dan l-istħarrig sar fost 189 pajjiż fejn anki pajjiżi li għadhom kif issieħbu fl-UE, jinsabu qabel Malta.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll li tkun inkoraġġita l-imprenditorija, li jsir investiment fl-infrastruttura u l-ambjent, li Malta twettaq strateġija fl-infrastruttura tal-enerġija u li jkun hemm riġenerazzjoni urbana.