intervista minn Clinton Sammut mat-tabib Wilfred Galea
L-altruwiżmu hu valur li ftit għadna naraw bħalu u napprezawh meta niltaqgħu miegħu. Iżda meta tabib, flok imur id-dar wara ġurnata xogħol u jintefa’ jistrieħ, imur d-dar u jibda jqalleb kull paġna fuq l-internet u jaqra kull aħbar medika li tkun ħarġet u jippubblikaha fi ktieb biex iqassamha lill-kollegi tiegħu, dan xi jfisser għalina?
It-tabib Wilfred Galea
Iltqajt ma’ Wilfred Galea, tabib tal-familja bi 30 sena esperjenza, iżda l-entużjażmu tiegħu tul dawn l-aħħar snin wasslu biex kien il-moħħ, flimkien ma’ persuni oħra, biex jitwaqqfu numru ta’ assoċjazzjonijiet lokali. Fosthom insibu l-Malta College of Family Doctors u l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja, żewġ entitajiet li għadhom pijunieri f’ħidmiethom u fit-tfassil tal-politika tal-professjoni medika Maltija.
Apparti dan, Wilfred ta l-ħajja lil sit eletroniku u aktar tard pubblikazzjoni bl-isem ta’ The Synapse, li sservi bħala sapport lill-professjonisti lokali bit-tqassim ta’ materjal u informazzjoni, fosthom riċerka.
Mill-intervista li kelli miegħu, joħroġ ċar li Wilfred hu tabib eżemplari u li jispirak, kemm minħabba l-fatt li jitkellem b’ċerta passjoni dwar il-professjoni medika tiegħu u kemm għax jitkellem b’aktar passjoni meta jiġi biex jitkellem dwar il-pazjenti. Għalih post il-pazjent għandu jkun biss fiċ-ċentru tal-professjoni medika filwaqt li għandu jkun hemm rispett reċiproku bejn il-pazjent u t-tabib.
It-twelid tas-sit eletroniku u l-pubblikazzjoni The Synapse
18-il sena ilu, il-komunità tat-tobba f’pajjiżna wriet ix-xewqa ta’ aktar komunikazzjoni bejn dak li jkun qed jiġri barra minn xtutna, f’terminu ta’ riċerka u studju, mal-ħidma tagħhom fuq bażi lokali. Xtaqu li l-informazzjoni miksuba tkun ferm aktar aċċessibbli u tanġibbli f’pajjiżna.
Kienet din ix-xewqa li tat id-determinazzjoni neċessarja biex Wilfred ipoġġi madwar mejda ma’ kollega tiegħu u jfasslu pjan kif jiffaċilitaw it-tixrid tal-informazzjoni. “Minn din il-laqgħa kien ħareġ li għandu jiġi maħluq sit eletroniku, fejn titpoġġa din l-informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-professjonisti f’pajjiżna,” stqarr Wilfred.
Hawn twieled il-proġett The Synapse, kelma medika li tfisser il-post fejn isir l-iskambju ta’ informazzjoni bejn in-nervituri tal-ġisem. Meta persuna jaħraq idu, in-nervituri jibagħtu sinjal lill-moħħ dwar dak li qed jiġri, fejn dan tal-aħħar jibgħat sinjali ta’ reazzjoni li ġeneralment tkun dik li tneħħi jdejk minn fuq in-nar..
Kelma li tiġbor fiha l-missjoni li għaliha daħlu għaliha Wilfred u l-kollega tiegħu, dik li l-informazzjoni maħruġa fuq livell internazzjonali tinġabar, tinqara, titqassar u finalment tingħata lil sħabhom il-professjonisti fil-kumdità ta’ darhom.
L-idea ntlaqgħet tajjeb tant li numru ta’ membri fis-sit bdew jinkoraġixxu lit-tim wara The Synapse biex ikomplu jkabbru l-operat tagħhom, u hawn ġie deċiż li għandha ssir pubblikazzjoni. Il-membri fis-sit ivarjaw, u mhumiex tobba biss. Fil-fatt Wilfred tenna li “l-professjoni medika għalija tfisser mhux biss it-tobba iżda dawk kollha li fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom għandhom il-pazjenti fosthom id-dentisti u l-ispiżjara.”
Mistoqsi jekk l-infermiera humiex ukoll inklużi f’dan il-proġett, Wilfred b’ċerta diqa imma b’konvinzjoni qalli li “nixtieq li fil-futur qarib ikun hemm riżorsi relatati mal-infermiera, iżda minħabba li ma nħossnix kompetenti f’dan il-qasam m’inix se nkun prużuntuż li nippubblika tali materjal sakemm ma jkunx hemm infermiera professjonali li jiċċertifikaw ċerti riżorsi. iżda hemm irridu naslu.”
Mistoqsija leġittima hi x’relevanza għandha l-pubblikazzjoni The Synapse meta tqis li llum kollox aċċessibbli minn fuq l-internet mingħajr ebda problemi. Wilfred jisħaq li din il-pubblikazzjoni hi niċċa unika.
Dan għaliex l-informazzjoni mogħtija hi waħda ġenerali u li tolqot l-interess ta’ kulħadd, mhux bħal pubblikazzjonijiet oħra barranin, ikunu speċifiċi għal settur wieħed u f’ħafna dettall.
Min-naħa l-oħra, din il-pubblikazzjoni toffri tliet servizzi: “aħbarijiet kurrenti, riżorsi u servizzi mogħtija.” Id-dinja medika hi l-istess bħal dik politika, l-aħbarijiet dwar skoperti u invenzjonijiet joħorġu kuljum, u b’hekk l-informazzjoni tiġi moqrija u studjata sew u jekk tkun relevanti ppubblikata.
Dan kollu hu ta’ sagrifiċċji kbar għal Wilfred, tant li jrid jaqra kull aħbar li tiġi ppubblikata u b’paċenzja kbira moqrija u mqassra kemm jista’ jkun, u dan ikun ta’ detriment għall-ħin liberu u limitat tiegħu.
L-artikli kollha tal-magazin huma peer reviewed, jiġifieri l-kontenut ġie wkoll skrutinat minn esperti fis-suġġett biex jiġi validat fil-livell u l-kwalità tal-informazzjoni.
The Synapse Direct u rizorsi
Servizzi mediċi li The Synapse toffri fid-dinja eletronika hi, li t-tobba għandhom l-opportunita’ li jidħlu fis-sit u jirreġistraw it-tilqim mogħti lill-pazjenti tagħhom (għax din in notifikazzjoni hi obligatorja) u fl-istess jinfurmaw lid dipartiment tas-saħħa, f’każ ta’ xi mard kontaġjuż u li bil-liġi hemm obbligu li jiġi notifikat.
“Is-servizzi mogħtija huma numerużi, tant li naslu wkoll biex ninfurmaw lill-professjonisti dwar konferenzi jew vakanzi ta’ taħriġ ma’ entitajiet lokali jew barranin, biex b’hekk minn ikun interessat jista’ jaħtaf din l-opportunita’ mingħajr problemi”.
B’kumbinazzjoni waqt li kien qiegħed isemi dawn is-servizzi, Wilfred irċieva informazzjoni, li infetħu opportunitajiet għall-istudenti tal-mediċina f’Malta, biex dawk interessati jistgħu jmorru jieħdu taħriġ fis-sajf fil-Germanja.
Riżorsi wkoll huma varji, fosthom relatati ma’ riċerka, mard li jkun għadu kemm feġġ u l-proċeduri li wieħed għandu jsegwi ma’ pazjent li juri tali sintomi u ħafna oħrajn. Il-prinċipju ta’ Wilfred hu “surf in the bay not in the oċean”, li fi kliem ieħor tfisser “biex jagħmluha eħfef lill-professjonisti l-informazzjoni tkun iffiltrata mqassra u mgħoddija biex dak li jkun issiba aktar faċli biex jaqrha”.
Video Based E-Learning
Proġett frisk li se jkun inawgurat din is-sena hu dak magħruf bħala l-Video based E-Learning, li jikkonsisti li jkunu ffilmjati taħditiet ma’ nies esperti fl-oqsma tagħhom u l-video jittella’ fuq is-sit eletroniku u b’hekk jista’ jarah kulħadd mingħajr ebda problema.
“Il-ħsieb li noħolqu struttura edukattiva hu dan minħabba l-fatt li l-livell akkademiku tal-professjonisti Maltin hu tajjeb daqs ta’ dawk f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Aħna l-Maltin ma għandha xejn inqas jew aħjar minn ħaddieħor,” stqarr b’konvinzjoni Wilfred.
Is-sodisfazzjon f’għajnejn it-tabib kien wisq evidenti, fl-istess ħin li aċċenna “li minkejja l-limitazzjonijiet fir-riżorsi ta’ ħin u finanzi, xorta waħda qed jirnexxilna nkomplu nkunu rinovattivi u nwasslu prodott professjonali lill-professjonisti kollha.” Jifhem li ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-ammont ta’ professjonisti “hu dak li hu, iżda dan mhux se jaqtagħli qalbi li nkompli għaddej bil-ħolma tiegħi li nibqa’ nwassal dan is-servizz lill-professjonisti kollha ta’ pajjiżna.”
It-tibdil fil-professjoni medika
Matul l-intervista staqsejt lit-tabib kif inbidlet il-professjoni medika f’dawn l-aħħar 30 sena, speċjalment bid-dhul tal-internet fis-soċjetà. It-tweġiba kienet differenti milli stennejt: “illum għandna pazjenti infurmati bil-bosta minn dawk li kienu jiġu 30 sena ilu. Illum kif tgħidilhom x’kundizzjoni qed isofru, imorru d-dar jagħmlu r-riċerka tagħhom u meta jerġa’ jkollok appuntament magħhom isaqsuk fuq dak li sabu u qraw minn fuq l-internet.”
Mistoqsi jħossux skomdu b’dan kollu, hu saħaq li “dan jagħmilli xogħli aktar interessanti, għax ikun hemm aktar komunikazzjoni bejnietna u fl-istess ħin inserraħ rasi li kulħadd ikun fehimni tajjeb. Li jiddispjaċini hu meta pazjenti jsibu siti b’informazzjoni qarrieqa li jzidulhom it-tama ta’ fejqan, meta din sfortunatament ma tkunx tezisti.”
Fil-fatt fl-intervista ndunajt li ma tkunx l-ewwel darba li Wilfred meta jiltaqa’ ma’ pazjent itih xi siti eletroniċi genwini, li jkun jista’ jagħmel riċerka fuq il-kundizzjoni tiegħu u jara x’jgħodd u ma jgħoddx għalih.
“Fl-aħħar iż-żmien li t-tabib qiegħed hemm fuq u l-pazjent qiegħed hemm isfel, spiċċa. Illum kemm aħna u l-pazjenti tagħna qegħdin fuq l-istess livell. Aħna nagħtu l-pariri tagħna, iżda l-pazjenti jiddiskutu magħna.”
L-uniku biża’ li jistqarr li għandu Wilfred, hu li minħabba t-teknoloġija naslu biex nitilfu l-element uman, speċjalment il-komunikazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib. “Jekk naslu f’din il-fazi, nistqarr li robot jasal biex jagħmel xogħolna ferm aħjar f’dak il-każ.”
Il-magażin ‘The Synapse’
Kien fl-2001 meta nħass il-bżonn li għandu jsir pass ieħor ‘il quddiem fit-tixrid tal-informazzjoni, u b’hekk ġie deċiż li apparti s-sit elettroniku, jiġi stampat magazin. Din il-pubblikazzjoni għalqet 13-il sena f’Marzu li għadda.
Din il-pubblikazzjoni toħroġ darba kull xahrejn, u fiha jkun hemm artikli li jolqtu lil dawk kollha involuti fil-qasam mediku.
The Synapse fih informazzjoni li tappella għal kulħadd filwaqt li l-informazzjoni hi sempliċi biex tifhimha u b’hekk jappella ħafna għan-networking bejn numru ta’ esperti, li meta jkunu mistoqsija biex jagħtu intervista dwar il-qasam tagħhom ikunu minn tal-ewwel li jaċċettaw.
Fil-fatt preżentement Wilfred stqarr li “qed nippubblikaw 3,000 kopja ta’ The Synapse kull xahrejn li qed titqassam fid-djar tal-professjonisti filwaqt li sal-lum hemm 4,000 persuna registrata fis-sit elettroniku filwaqt li l-kontribut tal-qarrejja kull ma jmur qed jikber ukoll f’terminu ta’ materjal mediku.”
B’hekk fl-istess ħin The Synapse Magazine qed joffri lok biex dawk il-professjonisti li ħarġu b’riċerka lokali u forsi jsibu numru ta’ problemi biex jippublikawha, The Synapse qed jagħtihom din l-opportunità, mingħajr ebda spiża.