Il-kumpanija MIA, li tmexxi l-ajruport internazzjonali ta’ Malta ma weġbitx mistoqsijiet li bagħtilha dan is-sit fuq każ li seħħ fil-jiem li għaddew fl-ajruport u li potenzjalment jista’ jfisser li nkissru r-regoli tas-sigurta’ tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Dan is-sit jinsab infurmat li ftit tal-jiem ilu, Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-PM Joseph Muscat, ġabar persuna minn fuq l-apron tal-mitjar tal-MIA b’karozza misjuqa mix-xufier tiegħu.
Il-każ seħħ ġimgħa u nofs ilu , proprju nhar il-Ħamis 21 t’Awwissu. Keith Schembri, li hu magħruf bħala Keith tal-Kasco, tfaċċa fl-ajruport u mar għal persuna Libjana fuq l-apron tal-Ajruport, b’karozza li kienet misjuqa mix-xufier tiegħu.
B’dan l-aġir, x’aktarx li nkissru r-regoli tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, minħabba li sar sewqan ta’ karozza fuq l-apron mingħajr assigurazzjoni apposta.
Apparti minn dan, sorsi nfurmati qalulna wkoll li l-Libjan li mar jigbor ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru Muscat, rikeb fil-karozza ta’ Keith Schembri, u ħareġ mill-grada tal-VIP tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mingħajr ma saru l-ebda kontrolli fuqu.
Il-każ seħħ filgħaxija, meta f’Park 9 tal-Ajruport wasal ajruplan tal-Medavia fuq titjira privata, li fuqu kien hemm dan ir-raġel Libjan. Jirriżulta, skont l-informazzjoni li għandna, li kif isir b’mod normali, l-uffiċjali tal-Ajruport flimkien ma’ pulizija pajżan, kienu sejrin bil-karozza biex ikunu jistgħu jassistu fl-inżul tal-passiġġieri minn fuq l-ajruplan. Kien f’dak il-ħin li fl-Ajruport wasal iċ-Chief of Staff ta’ Muscat f’karozza li kienet misjuqa mix-xufier tiegħu. F’dak il-ħin, jidher li l-pulizija pajżan ordna lill-uffiċjali tal-Ajruport biex imorru lura biex tkun tista’ ssegwihom il-karozza ta’ Keith Schembri.
Kif iż-żewġ karozzi waslu ħdejn l-ajruplan tal-Medavia, ir-raġel Libjan rikeb fil-karozza ta’ Keith Schembri, li saqet fuq l-Apron, u baqgħet ħierġa mill-grada tal-VIP tal-Ajruport mingħajr ma saru l-ebda kontrolli fuq il-passiggier li kien ghadu kif wasal Malta, kif suppost.
Jirriżulta li fuq l-Apron tal-Ajruport mhux permess li jsir sewqan minn karozzi li ma jkollhomx l-assigurazzjoni speċjali biex jinstaqu f’din iż-żona ta’ sigurta’ tal-Ajruport. Imma mistoqsijiet li bagħtna lill-ajruport internazzjonali ta’ Malta dwar dan, ma ġewx imwieġba.
F’email li bagħtna, staqsejna għal konferma li seħħ dan il-każ, u staqsejna wkoll jekk inkisrux ir-regoli tas-sigurta’ tal-ajruport, u x’passi ttieħdu, jekk ittieħdu. Staqsejna wkoll min ta l-ordni u l-permess biex ikun jista’ jsir dan, u x’kienet ir-raġuni. U tlabna wkoll konferma jekk il-Libjan li ġabar Keith Schembri għaddiex mill-kontrolli tas-soltu. Fl-aħħarnett tlabna wkoll lil MIA biex tipprovdina b’kopja tar-regoli tas-sigurta’ tal-ajruport.
Pero’ għal dawn il-mistoqsijiet kollha rċivejna biss tweġiba ta’ sentenza li huwa kontra l-policy tal-MIA li tiżvela kwalunkwe informazzjoni dwar passiġġieri individwali.
Imma l-mistoqsijiet tagħna ma kinux dwar il-passiġġier, li mhux l-issue f’dan il-każ. L-issue f’din il-kwistjoni huwa Keith Schembri, li mhux biss huwa uffiċjal pubbliku, imma huwa wkoll Kap tas-Segretarjat tal-PM ta’ Malta. Għaldaqstant, altru li l-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’ġara fl-ajruport u jekk dwar dan l-allegat każ itteħdux passi.
L-MIA, fit-tweġiba tagħha, żiedet tgħid li fil-fehma tagħha ma kien hemm l-ebda ksur ta’ sigurta’ jew ta’ protezzjoni.
//= $special ?>
