Ir-Russa Maria Sharapova sfat eliminata mill-Open tal-Istati Uniti b’telfa ta’ 6-4 2-6 6-2 kontra Caroline Wozniacki. Id-Daniża, seed numru 10 se tkun qed tilgħab għall-ewwel darba fil-kwarti tal-finali ta’ dan l-Open sa mill-2012 u issa tilgħab kontra t-Taljana Sara Errani. Errani rebħet 6-3 2-6 6-0 kontra l-Kroata Mirjana Lucic-Baroni.
L-Iżvizzeru Roger Federer kellu jwettaq rimonta biex għeleb lil Marcel Granollers u jikkwalifika għar-raba’ rawnd. Federer, seed numru tnejn kellu jdum jistenna biex ikompli jilgħab għax il-logħob kellu jieqaf minħabba x-xita li bdiet nieżla wara l-ewwel set. Eventwalment Federer rebaħ bi skor ta’ 4-6 6-1 6-1 6-1.
Il-logħba bejn dawn it-tnejn damet sagħtejn u r-rebħa ta’ Federer kienet is-70 waħda li kiseb f’dan l-Open. B’din ir-rebħa wkoll Federer ghadda għar-raba’ rawnd ta’ dan l-Open għall-14-il sena konsekuttiva. Fir-rawnd li jmiss issa Federer jiltaqa` kontra l-Ispanjol Roberto Bautista Agut li għeleb lil Adrian Mannarino ta’ Franza bi skor ta’ 7-5, 6-2, 6-3.
L-Ispanjol David Ferrer ġie eliminat meta tilef bi skor ta’ 6-3 3-6 6-1 6-3 kontra Gilles Simon. Il-Kroat Marin Cilic għeleb lit-tennista mill-Afrika t’Isfel Kevin Anderson 6-3 3-6 6-3 6-4.
Belina Bencic, li għad għandha 17-il sena rebħet kontra s-seed numru disgħa Jelena Jankovic 7-6 (8-6) 6-3 biex b’hekk għaddiet għall-kwarti tal-finali.
Fi dwell bejn żewġ tennisti Franċiżi Gael Monfils rebaħ 6-4 6-2 6-2 kontra Richard Gasquet.
Tomas Berdych tar-Repubblika Ċeka rebaħ 6-3, 6-2, 6-4 kontra r-Russu Teymuraz Gabashvili. Il-Bulgaru Grigor Dimitrov rebaħ 0-6 6-3 6-4 6-1 kontra David Goffin tal-Belarus.
//= $special ?>