Qorti

Mario Camilleri “il-missier” mistenni jerġa’ jindifen fil-jiem li ġejjin

Il-katavru ta’ Mario Camilleri l-missier għandu jerġa’ jindifen fil-jiem li ġejjin.

Il-katavru ta’ Camilleri, li nqatel fl-eta’ ta’ 51 sena kien inqala’ mill-qabar f’Lulju tal-2013 biex isiru aktar testijiet fuq marbuta mal-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Id-deċiżjoni li jerġa’ jindifen tista’ tingħata l-ġimgħa d-dieħla meta esperti mqabbda mill-Qorti mistennija jixhdu quddiem il-Maġistrat Trigona fil-każ ta’ George Galea u Jason Galea, li huma mixlijin bil-qtil ta’ Mario Camilleri il-missier u Mario Camilleri l-iben.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Chris Pullicino, fil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, fejn Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry, ta’ 49 min Raħal Ġdid huma mixlijin ukoll bil-qtil ta’ Matthew Zahra, ta’ 27 sena, li kien instab meta kienet qed issir tfittxija għal Mario Camilleri u ibnu.

Fil-verbal tiegħu, l-Ispettur Pullicino informa lil Qorti li fis-seduta li jmiss se jixhed l-espert li għamel l-eżamijiet fuq il-kranju tal-Imnieħru wara li dan reġa’ nqala’ mill-qabar sabiex isiru dawn l-eżamijiet. Wara li dan l-espert ikun xehed, il-Prosekuzzjoni mistennija titlob id-difna mill-ġdid tal-vittma.

Fost persuni oħra li taw ix-xhieda tagħhom kien hemm il-Perit Richard Aquilina, espert tal-Qorti, li kien inħatar bħala espert fil-qtil tal-Imnieħru u ibnu, iżda waqt dik l-investigazzjoni nstabu bċejjeċ oħrajn ta’ għadam. Dan b’referenza għall-kadavru ta’ Matthew Zahra.

Xhud ieħor kien ċertu Kenneth Ciantar miż-Żurrieq, li jaħdem fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei, kif ukoll l-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher f’isem il-familjari ta’ Zahra u li reġa’ għamel referenza għal xi oġġetti li trid tara t-tfajla ta’ Zahra u l-għajbien tal-ġiżirana ta’ Zahra. Huwa qal li wisq probabbli din il-giżirana nsterqet.

Id-difiża, komposta mill-avukati Joe Giglio u Franco Debono, qalet li ma għandhiex kummenti x’tagħmel dwar id-difna mill-ġdid tal-vittma. Il-Qorti ddikjarat li fl-eventwalità li l-Maġistrat Micallef Trigona jawtorizza d-difna, din tkun tista’ ssir.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Chris Pullicino, Michael Mallia, Louise Calleja u Fabian Fleri.

Il-każ se jkompli fit-13 ta’ Ottubru li ġej.