Lokali

Matthew Gatt jinħatar Kap tal-Uffiċċju tal-Kap tal-PN

Ikompli l-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bl-aħħar ħatra tkun dik ta’ Matthew Gatt bħala Kap tal-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Din hi kariga ġdida li ħoloq il-Partit Nazzjonalista bl-għan li Gatt jgħin lill-Kap Simon Busuttil fil-proċess ta’ tiġdid tal-Partit u l-istrutturi tiegħu.

Matthew Gatt għandu 28 sena u attenda l-Kullegg ta’ San Alwiġi. Hu ggradwa fl-Ekonomija fl-2007 mill-Università ta’ Malta u kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Warwick, minn fejn iggradwa f’livell ta’ Masters fil-Politika Ekonomika Internazzjonali.

Hu serva wkoll għal 4 snin fi Brussell, bħala Assistent Parlamentari ta’ Simon Busuttil. Fl-aħħar xhur, hu kien jaħdem bħala Analista tal-Ekonomija fid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi.