Lokali

Filmat: “Mission Accomplished” għall-Partit Laburista

Mission Accomplished għal Gvern immexxi mill-Partit Laburista – kien b’dan il-kliem li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amminsitrattivi Ryan Callus iddeskriva l-aħħar żviluppi dwar il-każ tal-Australia Hall.

Filfatt f’The Sunday Times of Malta tal-Ħadd li għadda kien żvelat kif il-Partit Laburista biegħ din il-binja storika u l-art ta’ madwarha, li tammonta għal iktar minn 10,000 metru kwadru lil kumpanija privata biex b’hekk tħallsu ftit mid-djun li jmorru lura għal snin twal.

Is-saga tal-Australia Hall bdiet meta tniżżel grad ta’ din il-binja storika u kompliet meta twaqqgħet kawża fil-qorti minħabba ksur tal-kuntratt minħabba nuqqas ta’ pagamenti ta’ eluf ta’ arretrati u għaliex tħalliet fi stat ta’ abbandun totali.

Bit-twaqqigħ taż-żewġ kawżi kontrih fil-Qorti, il-Partit Laburista llibera wkoll art ta’ 4,260 metru kwadru tal-Junior Ratings Club.

Dan il-każ hu t-tieni skandlu marbut mal-gvern Laburista fi ftit jiem wara dak tal-Cafe’ Premiere li s-sidien tiegħu ngħataw bailout ta’ madwar 4.2 miljun ewro fuq taxxi, kontijiet u pagamenti li baqgħu mhux imħallsa.

Ryan Callus kompla li dan il-bejgħ dejjem kien fil-pjan tal-Prim Ministru Joseph Muscast bil-partit tiegħu li ħa art pubblika u biegħha għall-iskop tal-istess partit. Ryan Callus fisser l-azzjoni tal-Gvern tagħmlu moralment korrott fejn wera nuqqas ta’ serjeta politika. Dan kollu filwaqt li ħaddiehor ma ngħatax sit alternattiv bħalma qala’ l-Partit Laburista meta ċeda art fil-Marsa Shipbuilding.

Minn naħa l-oħra s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said tkellem dwar kif il-Partit Laburista ma riedx li fil-Parlament tiġi diskussa wkoll l-għajnuna tal-Gvern lill-partiti. Qal li l-Gvern f’dan il-każ aġixxa b’doppia faccia u ipokrezija.

Chris Said fakkar li dan mhux l-uniku każ ta’ Gvern Laburista li ffanga bi propjeta’ pubblika fosthom bl-akkwista ta’ 20 każin tal-Partit Laburista li ttieħdu mill-familji u propjetajiet rekwiżizzjonati oħra li minflok ingħataw lil familji fil-bżonn, qed jintużaw mill-Partit Laburista.