Somalu jammetti u jingħata sentenza sospiża u sieħbu ma jammettix u kellu it-talba għall-ħelsien mill-arrest preventiv miċħuda mill-Maġistrat Audrey Demicoli wara li tressqu l-Qorti mixlijin li serqu oġġetti għad-dannu ta’ raġel Rumen. Bogdan Marius qal fil-Qorti li waqt li kien rieqed fuq bank f’Paceville, Somalu seraqlu iphone, kartiera u l-liċenzja tas-sewqan.
Mill-provi rriżulta li Surġent tal-Pulizija rabat wieħed mis-Somali ma’ karozza biex ikun jista’ jiġri wara l-oħrajn li b’kollox kienu erba’. Iż-żewġ Somali li tressqu l-Qorti kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ erba’ persuni li dak il-ħin bir-Rumen rieqed fuq bank kienu qegħdin ifittxu bil-bwiet tiegħu.
Kien is-Surġent Andrew St John li rnexxielu jaqbad wieħed mill-ħallelin u mmanettjah mal-paravangu ta’ karozza li kienet ipparkjata fil-viċin qabel ma’ qabad it-tieni persuna bit-tnejn l-oħra jilħqu jaħarbu.
Ir-Rumen, xehed wara li tressqu l-Qorti ż-żewġ Somali li ġew mixlijin li kmieni l-Ħadd li għadda filgħodu serqulu diversi oġġetti fosthom iphone. Is-Somali huma Abdulahi Mohamed Adow ta’ 32 sena u Bashir Abdulahi Ahmed ta’ 21 sena.
Adow waħdu ġie mixli wkoll li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużI miġjubin kontrih, iżda sieħbu ammetta u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Ir-Rumen qal li s-Sibt li għadda bil-lejl kien Paceville ma’ sħabu, iżda f’xi ħin tilfu lil xulxin. Huma għandhom ftehim bejniethom li meta jiġri hekk, jiltaqgħu f’post u ħin partikolari biex jirkbu l-karozza tal-linja lejn id-dar. Sakemm sar il-ħin, huwa raqad fuq bank, u dan kien għall-ħabta tal-5.30 a.m.
Qal li f’mument minnhom ħass lil xi ħadd imissu. Huwa għaraf lil din il-persuna bħala Abdulahi Mohamed Adow. Dan seraqlu l-iphone li jiswa aktar minn €600, kartiera b’€40 fi flus kontanti, kif ukoll il-liċenzja tas-sewqan. Is-Somalu spiċċa arrestat fuq il-post stess, qal ix-xhud filwaqt li ċaħad li kien xurban.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Joseph Mizzi għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Adow bil-Prosekuzzjoni topponi għax għax qalet li l-imputat mhux affidabbli. Il-Qorti, ċaħdet it-talba minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà.
//= $special ?>

