Fl-aħħar ġimgħat il-GRTU kellha numru ta’ laqgħat mal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u dak tal-Ekonomija, l-investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona b’rabta mal-qtugħ tad-dawl tat-Tlieta 12 t’Awwissu li għadda.
Dakinhar pajjiżna sofra blackout totali li f’ċertu lokalitajiet dam kważi ġurnata sħiħa u li wassal biex residenti u negozji sofrew ħsarat jew spejjeż żejda.
Kien għalhekk li matul dawn il-laqgħat il-GRTU pproponiet li jsir charter li jistabilixxi d-drittijiet tan-negozji bħalma jeżisti f’pajjiżi oħra fosthom fir-Renju Unit.
Madankollu minn naħa tal-Gvern kien hemm kawtela dwar din l-idea u kien spjegat li biex dan isir hemm bżonn ta’ tul ta’ żmien.
Il-President tal-GRTU Paul Abela qal li l-aħħar każ tal-qtugħ tad-dawl wera li hemm bżonn li pajjiżna ma jixxaħħaħx mal-qasam tal-enerġija.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Bank of Valletta u l-GRTU li matulha ġiet estiża l-BOV ECO Personal Loan sal-aħħar ta’ Diċembru 2014.
Permezz ta’ din l-iskema, konsumaturi li jixtiequ jixtru apparat fotovoltajku jew solar water heaters jistgħu jitolbu self mill-Bank of Valletta li jitħallsu ftit ftit fuq perjodu ta’ tliet snin.
Din l-iskema qed tiġġedded wara s-suċċess li kisbet fl-aħħar xhur u li għaliha applikaw 1,700 familja li akkwistaw bejniethom self li jlaħħaq il-11-il miljun ewro. Bejniethom dawn il-familji nstallaw sistemi fotovoltajċi li jiġġeneraw madwar sittin megawatt ta’ enerġija.
Intant matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet ngħataw erba’ unuri lil erba’ kumpaniji differenti li ħadu sehem fl-iskema preċedenti u eċċellaw fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
//= $special ?>