Il-grupp Amnesty International qal li għandu l-provi ġodda li l-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku (IS) għaddejjin b’kampanja sistematika ta’ tindif etniku u reati kontra l-umanita fit-Tramuntana tal-Iraq u fejn il-minoranzi spiċċaw mira ewlenija.
Ir-rapport ta’ Amnesty ma qagħadx idur mal-lewża u, fost oħrajn, tenna li l-militanti tal-IS biddlu r-reġjun f’zona ta’ killing fields fejn it-tixrid tad-demm sar l-ordni tal-ġurnata.
Aktar qabel, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li kienet qed tibgħat lir-rappreżentanti tagħha fl-Iraq biex huma jinvestigaw dawk li l-organizzazzjoni fissret bħala ‘azzjonijiet inumani li laħqu skala li ftit wieħed jista’ jimmaġina’.
Il-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku u l-alleati Sunni, sallum, ħatfu reġjuni sħaħ fit-Tramuntana tal-Iraq u s-Sirja fejn iffurmaw kalifat fejn qed jiddomina l-aktar stil primittiv u brutali tal-Iżlam.
Inqatlu l-eluf tan-nies taħt idejn l-IS u li l-maġġoranza tagħhom huma ċivili. Fl-istess ħin ‘il fuq minn miljun persuna kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom fix-xhur riċenti u wara li huma spiċċaw taħt theddida diretta mill-fanatiċi tal-IS.
Intant, l-Amnesty qal li għandu l-provi li, f’Awwissu, seħħew diversi massakri ġo numru ta’ bliet u villaġġi fir-reġjun ta’ Sinjar, fl-Iraq.
F’dan il-każ, il-militanti tal-IS kienu qatlu numru kbir ta’ rġiel u subien minbarra li ħatfu ‘l fuq minn elf nisa, rġiel u tfal, li l-maġġoranza tagħhom huma membri tal-minoranza Yazidi.
Issemmew ukoll massakru ta’ mill-anqas mitt irġiel u subien taħt idejn il-militanti fil-villaġġ ta’ Kocho u fejn in-nisa u t-tfal kollha spiċċaw priġunieri tal-IS.
Għaldaqstant, il-grupp Amnesty, li hu bbażat fir-Renju Unit, sostna li l-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku qed iwettqu l-agħar tip ta’ delitti fl-artijiet li ħatfu u waqt li anki qed jibdlu z-zoni rurali ta’ Sinjar f’wied ta’ dmija. Dan ukoll bħala parti minn kampanja brutali li qed imexxu l-militanti biex jeqirdu l-aħħar traċċi ta’ komunitajiet m’humiex Għarab, flimkien ma’ Musulmani li m’humiex ta’ denominazzjoni Sunni.
//= $special ?>